Il-kriżi tal-Greċja għadha qed tiddomina l-ġrajjiet internazzjonali, minkejja li l-mexxejja taż-żona Ewro waslu għal ‘ftehim’ mal-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras. Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li jidher ċar li l-ftehim tal-Unjoni Ewropea mal-Greċja ma jistax jaħdem għax ekonomikament, teknikament u amministrattivament se jagħmel l-affarijiet agħar. F’dibattitu ma’ Pierre Gramegna, il-President tal-ECOFIN u Ministru tal-Finanzi tal-Lussemburgu, Alfred Sant qal li l-ftehim mal-Greċja se jerġa’ jfalli. Dr. Sant qal li l-Ewropej qalu li l-problema mal-Greċja kienet li din tilfet il-fiduċja tagħhom, imma issa huma tilfu l-fiduċja ta’ ħaddieħor għax sfurzaw ftehim fuq il-poplu Grieg li anke l-Fond Monetarju qed jgħid li mhux se jaħdem.

Il-kundizzjonijiet imposti miż-żona ewro fuq il-Greċja mhux biss herrew is-sovranita` ta’ dan il-pajjiż, iżda se jżidu l-miżuri ta’ awsterita` bil-piżijiet ikomplu jitgħabbew fuq iċ-ċittadini komuni Griegi. Fl-istess waqt ir-riformi li kien hemm ‘qbil’ dwarhom ma jistgħux jiġu implimentati mill-amministrazzjoni ċivili fil-Greċja.

Fix-xhur li għaddew il-Gvern Grieg għamel żbalji kbar waqt in-negozjati maż-żona Ewro. Iżda l-akbar żball huwa tal-gvernijiet taż-żona Ewro li ġiegħlu lill-Greċja taċċetta kundizzjonijiet umiljanti fuq il-poplu Grieg.

Segwi l-intervent ta’ Alfred Sant f’dibattitu ma’ Pierre Gramegna, il-President tal-ECOFIN dwar il-kriżi Griega – https://www.youtube.com/watch?v=SFBEbiisbCw

Facebook Comments

Post a comment