Id-deċiżjoni tal-Gvern il-ġdid Grieg li jisfida r-riformi ekonomiċi imposti fuqhom u n-nuqqas ta’ qbil dwar is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja ħasdet lill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea qed tinsisti fuq ir-riformi li sar qbil dwarhom fil-Greċja, qabel tkompi tagħti aktar għajnuna lill-Griegi. Din il-ġimgħa l-Greċja waqqfet żewġ proġetti kbar ta’ privatizzazzjoni mingħajr konsultazzjoni mal-UE u qalet li se żżid il-pensjonijiet u terġa’ ddaħħal impjegati li kienu tkeċċew minn maċ-ċivil. Dil-ġimgħa l-UE estendiet is-sanzjonijiet kontra r-Russja b’sitt xhur, iżda ma żiditx ‘aktar miżuri restrittivi’ li kienu diġa’ maħsuba li jidħlu fit-test oriġinali. Biex is-sanzjonijiet ikunu imposti, jeħtieġ il-qbil tat-28 pajjiż tal-UE. Hemm min qed jgħid li l-Greċja ħadet dil-pożizzjoni dwar ir-Russja biex tkun tista’ tinnegozja aħjar għal aktar nifs dwar id-dejn li għandha mal-pajjiżi tal-UE. Il-pożizzjoni li qed tieħu l-Greċja kontra r-riformi u s-sanzjonijiet kontra r-Russja tista’ tiżviluppa fl-agħar ħmar il-lejl għall-Ewropa fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Facebook Comments

Post a comment