Il-qagħda fil-Greċja tista’ tkun perikoluża daqs il-qagħda fl-Ukrajna jekk ma tiġix ittrattata b’dehen li jħares fil-bogħod. Dan qalu l-Ewroparlamentari Alfred Sant fil-Parlament Ewropew. Fl-ewwel stadji tan-negozjati mal-Greċja, jekk dawn se jseħħu, malajr jista’ jiġri li ż-żewġ naħat jersqu qrib ħafna tax-xifer. Jekk dil-ħaġa tittieħed wisq ‘il bogħod nistgħu naslu għal kollass inaċċettabbli. Jekk in-negozjati mal-Greċja se jmorru lil hinn minn manuvrar qrib xifer l-irdum, il-valuri li għandhom jiġu mħaddma jridu jissuperaw konsiderazzjonijiet tekniċi biex ifittxu l-għeruq ta’ solidarjetà ġenwina.’
Alfred Sant qal li l-pjan ta’ salvataġġ tal-Greċja ma rnexxiex. Terġa’, impona wisq tbatija fuq il-poplu Grieg. Għalhekk għandu jkun ristrutturat bil-qawwa. Forsi wkoll li ż-żona tal-ewro se jkollha tiġi ristrutturata fuq medda medja ta’ żmien anke jekk għall-ewwel dan jista’ jidher li se jdgħajjef xi ftit is-“soft power” immens li tipposjedi l-Unjoni Ewropea fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Alfred Sant qal li wieħed ma jistax jistenna li gvernijiet li sellfu biljuni mill-flus taċ-ċittadini tagħhom se jkunu lesti li jaħfruhom mil-lum għal għada. Madankollu lanqas ma wieħed jistenna li l-poplu Grieg se jneħħi għal żmien twil iżżejjed kull prospett li xi darba se jkun jista’ jgħix ħajja diċenti. Għandu ħajja waħda biss x’jgħix.

Facebook Comments

Post a comment