Il-Kroazja mhux se tilħaq tidħol fiż-żona Ewro sas-sena 2020, kif kienet indikat il-President tal-Kroazja, Kolinda Grabar-Kitarovic.  Waqt laqgħa bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u l-President tal-Kroazja, Juncker qal li l-Kroazja għandha vokazzjoni naturali biex issir membru taż-żona ewro imma dan jeħtieġ ħafna aktar sforzi għax il-finanzi pubbliċi jridu jkunu taħt kontroll u d-defiċit għadu għoli wisq. Juncker żied jgħid li f’Mejju l-Kummissjoni se tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lil dan il-pajjiż u li għalissa ma jissemmewx dati għad-dħul tal-Kroazja fiż-żona Ewro.  “Jien kont għedt li 2020 kienet l-aktar viċin li l-Kroazja setgħet tidħol fiż-żona Ewro”, ikklarifikat il-President Kroata.

Il-President tal-Kroazja tkellmet ukoll dwar il-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Qalet li ma tixtieqx li l-Kroati jemigraw minn pajjiżhom imma tixtieq li dawn ikunu jistgħu jagħmlu din l-għażla u jkollhom l-istess drittijiet ta’ ċittadini ewropej oħra. Juncker jaqbel mal-Kroazja f’dan ir-rigward. “Fuq dan l-istati membri għandhom jiddeċiedu huma xi jridu.” qal Juncker.

Facebook Comments

Post a comment