Il-Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Latvja għandhom ir-riżervi tagħhom fuq is-sistema tal-kwoti tal-immigranti. Ir-Renju Unit huwa kontra din il-proposta. Franza u Spanja qed ikunu kawti fuq il-kwistjoni.

Il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls qal li se jopponi l-introduzzjoni tal-kwoti fuq il-kwistjoni tal-immigranti. Valls qal li l-intenzjonijiet tal-UE dwar l-immigrazzjoni ma jaqblux mal-proposti tal-Franċiżi. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li fiduċjuża li se jkollha l-appoġġ tal-Franċiżi dwar il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni. Kelliem għall-Kummissjoni qal li ma kienx hemm inkompatibilita` bejn il-Franċiżi u l-Kummissjoni. Hu spjega li qed titħejja sistema għal grupp speċifiku ta’ immigranti li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li għandhom sitwazzjoni urġenti għall-numru limitat ta’ żmien. Il-Kummissjoni fiduċjuża li Franza taqbel mal-proposti tagħha f’dan ir-rigward.

Il-pożizzjoni ta’ Franza għad trid tkun iċċarata. Franza inkwetata li l-mekkaniżmu ta’ emerġenza li qed tipproponi l-Kummissjoni biex jittaffa t-toqol tal-immigrazzjoni minn fuq l-Italja, Malta u l-Greċja, se jħalli jidħlu fl-Ewropa mhux biss immigranti li qed ifittxu kenn politiku imma wkoll dawk li jridu jsibu xogħol fl-Ewropa, dawk imsejħa ‘economic migrants’.

F’dan l-istadju Franza hija miftuħa għall-idea li tkun introdotta sistema ta’ kwoti għar-refuġjati, l-aktar Sirjani, u li bħal’issa qed ikunu mħarsa permezz ta’ pajjiżi terzi u ta’ kampijiet tal-UNHCR. F’dan il-każ Franza hija favur li jkun hemm distribuzzjoni bejn it-28 pajjiż tal-UE. Min-naħa l-oħra qed tkun kawta rigward dawk l-immigranti li jistgħu jitolbu protezzjoni internazzjonali u li diġa` qegħdin fuq art Ewropea. Franza taqbel ukoll li tingħata l-għajnuna lil dawk il-pajjiżi li qed jirċievu l-immigranti biex tgħinhom ħalli jidentifikaw malajr l-immigranti li jistgħu jitolbu l-ażil u dawk li jeħtieġ li jintbagħtu lura pajjiżhom.

Spanja wkoll hija kawta. Qed tgħid li taqbel mal-prinċipju tal-kwoti u tixtieq turi solidarjeta`. Imma jidhrilha li l-proposti tal-Kummissjoni kif inhuma mhumiex sodisfaċenti. Spanja tixtieq li jkunu kkunsidrati aktar ir-rati tal-qgħad ta’ kull pajjiż meta tinħadem is-somma ta’ kif se jinqassmu l-kwoti.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-kwoti jitqassmu hekk: 10% skont ir-rata ta’ qgħad, 40% skont il-GDP% nazzjonali, 40% skont id-daqs u l-popolazzjoni tal-pajjiż, 10% għan-numru ta’ immigranti li diġa` ttieħdu fil-pajjiż. Il-KE tixtieq li l-Kunsill tal-Ewropa jieħu deċiżjoni fis-summit tal-aħħar ta’ Ġunju biex is-sistema tibda taħdem f’Lulju.

Facebook Comments

Post a comment