L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal li huwa urġenti li l-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jieħdu sehem attiv fid-deċiżjonijiet li se jittieħdu dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fiż-żona ewro. Dr. Sant qal li l-istess strutturi ta’ taxxi għal pajjiżi bi strutturi ekonomiċi differenti, speċjalment jekk ikollhom munita waħda, tpoġġi wħud minn dawn il-pajjiżi fi żvantaġġ.

Dr. Sant qal li sistema trasparenti ta’ taxxi għandha tippromwovi tkabbir ekonomiku, ħolqien ta’ impjiegi konsolidazzjoni fiskali. ‘Il-kompetizzjoni fit-taxxi mhix ħażina. Iżda ħafna mill-miżuri li qed ikunu diskussi jinvolvu kompetenzi nazzjonali u għandhom ikunu diskussi fuq livell nazzjonali. Waqt li r-rimedji suġġeriti jixirqilhom studju profond u attenzjoni, dawn se jħallu impatt qawwi fuq il-kompetenzi tal-gvernijiet nazzjonali.’

Il-proposti jinkludu bażi komuni ta’ tassazzjoni; l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxi fiż-żona ewro; l-introduzzjoni ta’ rata minima tat-taxxa; emendi għal ftehim ta’ taxxa doppja ta’ stati membri tal-UE. Dawn kollha se jħallu impatt qawwi fuq l-awtonomija u l-flessibilta` tal-gvernijiet nazzjonali fit-tmexxija tal-finanzi ta’ pajjiżhom’, qal Dr. Sant.

Dr. Sant kien qed jindirizza l-Kumitat speċjali tal-Parlament Ewropew fi Brussell li qed jiltaqa’ ma’ parlamentari nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE dwar l-ippjanar tat-tassazzjoni u l-kontroll demokratiku tal-parlamenti nazzjonali. Parlamentari minn pajjiżi differenti ddiskutew l-interess u l-iżvilupp tas-sistemi tat-tassazzjoni f’pajjiżhom biex ikun żgurat l-evażjoni tat-taxxa.

Tista’ ssegwi l-intervent ta’ Dr. Sant fuq din il-link :

https://www.youtube.com/watch?v=p5XwgIeJiD8

Facebook Comments

Post a comment