Is-servizz postali Żvizzeru qed jevalwa l-użu tad-‘drones’ għat-tqassim ta’ pakketti li jiżnu sa kilogramma. Il-posta beħsiebha tuża dawn id-‘drones’ b’mod kummerċjali ħames snin oħra iżda se tibda tużahom anki fiż-żmien li ġej biex tqassam il-posta fil-villaġġi Alpini u f’dawk l-inħawi li jisfaw iżolati minħabba l-maltemp. Is-servizz tal-posta esebixxa dawn id-‘drones’ għall-ewwel darba fix-xahar li għadda u qed isiru testijiet tekniċi fuqhom wara li jkunu qassmu l-pakkett postali.

Id-‘drone’ postali huwa abjad u huwa magħmul minn erba’ fergħat u fl-aħħar ta’ kull fergħa hemm skrun. Fin-nofs tad-‘drone’ hemm kaxxa safra bl-isem tas-servizz postali. Id-‘drone’ huwa ħafif ħafna u b’batterija waħda kapaċi jmur 10 kilometri bogħod filwaqt li jġorr sa kilogramma ta’ piż. Id-‘drones’ se jkunu ttestjati bir-reqqa qabel ma jibdew jintużaw fuq skala kbira.

L-Iżvizzera mhux l-uniku pajjiż li qed jipprova d-‘drones’ fil-qasam tal-posta. Fil-Ġermanja l-kumpanija DHL ukoll qed tittestja l-użu tad-‘drones’ għat-tqassim tal-pakketti fil-gżejjer li qegħdin fil-baħar tat-Tramuntana tal-Ewropa. ‘La Poste’ Franċiża qed tagħmel l-istess biex tipprova tilħaq iż-żoni tal-muntanji u l-gżejjer tal-madwar.

Facebook Comments

Post a comment