Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej (S&D) qal li l-problema umanitarja li konna qed niffaċċjaw bil-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari fl-aħħar snin fil-Mediterran issa żviluppat f’waħda ta’ sigurta’. Dr. Sant insista li fiċ-ċirkostanzi attwali ta’ dak li għaddej fil-Mediterran jeħtieġ li jsir imblokk minn issa tat-tluq ta’ inġenji tal-baħar mill-kosta Libjana. ‘Din m’għadhiex problema umanitarja biss, issa saret problema ta’ sigurta’ għall-Ewropa.’ Sostna Dr. Sant meta indirizza laqgħa tas-Soċjalisti Demokratriċi li kienet qed tiddiskuti t-traġedja tal-Mediterran fi Brussell.
Dr. Sant qal li wara dak li ġara fl-aħħar jiem, l-Ewropa ma tistax tibqa’ bil-politika li tistenna li fil-Libja jerġa’ jinstab ftehim bejn il-partijiet li mhumiex jaqblu bejniethom. L-Ewropa ma tistax tibqa’ tittama li jinħoloq gvern ġdid Libjan biex tissolva dil-problema. Dr. Sant qal li l-għarqa ta’ 900 immigrant fil-Mediterran heżżeż lill-Ewropa. Huwa importanti li tiġi iffaċċjata l-kriżi umanitarja, imma issa dil-problema tal-immigrazzjoni m’għadhiex waħda umanitarja biss, imma saret problema ta’ sigurta’.
Fl-ewwel tliet xhur tas-sena diga’ qasmu 35,000 immigrant mill-Mediterran għall-Ewropa u 1,800 immigrant għerqu fil-Mediterran fl-istess perjodu.

Facebook Comments

Post a comment