Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha r-rwol li ttejjeb l-immaniġjar tal-finanzi tal-UE u tħejji rapporti dwar l-infiq tal-fondi pubbliċi. Din l-istituzzjoni twaqqfet fl-1975 u hi bbażata fil-Lussemburgu. Tħaddem madwar 900 impjegat fosthom awdituri u tradutturi.
Il-Qorti għandha membru wieħed minn kull pajjiż tal-UE maħtur mill-Kunsill għal terminu ta’ sitt snin (li jiġġedded). Ir-rappreżentant attwali ta’ Malta f’din l-istituzzjoni huwa Louis Galea. It-terminu tiegħu jispiċċa f’Jannar tal-2016. Il-membri jeleġġu wieħed minn fosthom bħala President għal terminu ta’ tliet snin (li jiġġedded ukoll). Vítor Manuel da Silva Caldeira, mill-Portugall, ġie elett President f’Jannar 2008.
Il-Qorti tal-Awdituri għandha d-dritt li tagħmel ‘audit’ lil kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tiġġestixxi l-fondi tal-UE biex taċċerta ruħha li l-fondi qed ikunu mħaddma kif sippost. Il-Qorti spiss twettaq verifiki fuq il-post. Is-sejbiet tagħha huma miktuba f’rapporti li mbagħad jingħataw lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali tal-UE.
Din l-istituzzjoni m’għandhiex setgħat legali. Ġaladarba l-awdituri jiskopru frodi jew irregolaritajiet, jinfurmaw lill-OLAF – l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi.
Il-Qorti :
Tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill b’rapport annwali dwar is-sena finanzjarja ta’ qabel.
Tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE u dwar kif għandha tgħin lill-UE biex tikkumbatti l-frodi.
Tispezzjona l-istituzzjonijiet tal-UE, l-istati membri u l-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna mill-UE.

Facebook Comments

Post a comment