Is-sena l-oħra l-Unjoni Ewropea ma nefqitx €31 biljun ippjanati biex jintefqu fuq il-fondi tal-Migrazzjoni, tal-fond Strutturali, tal-Fond tal-Koeżjoni u tal-Fond Agrikolu. Dwar dan tkellem Alfred Sant li qal li dawn il-flus żgur kienu jintefqu aħjar li kieku kienu amministrati mill-gvernijiet nazzjonali. Minkejja li l-UE mhix sistema federali, il-proċeduri addottati fuq il-proġetti huma ħafna aktar ikkumplikati minn dawk fl-Istati Uniti. ‘Waqt li qed insostnu li biex l-ekonomija Ewropea tirkupra jeħtieġ investiment ġdid, ma nifhimx kif biljuni ta’ ewro għall-investimenti fil-budget tal-UE baqgħu ma ntefqux. Il-metodi wżati fuq il-proġetti qed idewmu l-implimentazzjoni tal-proġetti. Ħafna drabi qed jitħaddmu fuq bażi ta’ ‘one size fits all’. Din il-problema ilha fl-Unjoni Ewropea mit-twaqqif tagħha.’
Dr. Sant qal li wieħed kien jittama li wara l-aħħar snin ta’ kriżijiet ekonomiċi, instabu soluzzjonijiet effiċjenti biex jintefqu l-flus allokati għall-proġetti tal-UE. Pereżempju, qal Dr. Sant, l-impressjoni hi li r-regoli ta’ ‘State Aid’ qed ikunu applikati b’mod strett fuq il-proposti tal-proġetti. Id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti jfisser aktar spejjeż u anqas impatt ekonomiku. ‘Hawnhekk ukoll it-triq għall-infern hija imwittija b’intenzjonijiet tajba’. qal Dr. Sant.

Facebook Comments

Post a comment