Henri Malosse, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea tinnegozja ftehim ħalli ċ-ċittadini Russi ma jkollhomx aktar bżonn ta’ Visa fl-UE. Malosse qal li dan jista’ jsir b’mod immedjat għal kategoriji differenti ta’ Russi, b’mod partikolari żgħażagħ li jixtiequ jistudjaw jew jipparteċipaw f’laqgħat.

Malosse kkritika d-deċiżjoni tal-UE li tiffriża n-negozjar dwar il-Visa tar-Russi. Waħda mill-miżuri li ħadet l-UE minħabba l-kriżi tal-Ukrajna kienet li f’Marzu 2014 issospendiet n-negozjati dwar il-Visas Russi. Malosse qal li dan kollu jippenalizza lil poplu Russu filwaqt li ma jħallix effett fuq il-gvern tal-pajjiż.

Malosse qal li s-soċjeta` ċivili Russa u Ewropea trid tkun aktar attiva fil-proċess li jressqu l-popli lejn xulxin. ‘L-UE għandha tistieden akkademiċi u organizzazzjonijiet Russi għal attivitajiet tal-UE. Għandna nagħmlu dan aktar milli konna nagħmlu qabel biex iħossuhom parti mill-familja. Għandu jieqaf iċ-ċirku vizjuż ta’ sanzjonijiet kontra sanzjonijiet u armi kontra armi’ sostna Malosse.

Malosse huwa l-uniku president li bħalissa ma għandux il-permess li jidħol ir-Russja minħabba l-kriżi fl-Ukrajna.

Facebook Comments

Post a comment