Fiż-żona Ewro ma tistax titneħħa l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi fuq it-taxxi, għax pajjiżi ċkejkna li m’għandhomx riżorsi tagħhom bilfors joffru rati ta’ taxxi kompetittivi biex jattiraw l-investiment u x-xogħol. Dr Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li jekk l-istrutturi fiż-żona Ewro jkunu l-istess għall-pajjiżi kollha, dawn jaffettwaw ħażin l-kompetittivita` ta’ pajjiżi diġa` żvantaġġjati fiż-żona Ewro. Il-kompetizzjoni fit-taxxa tibqa’ l-għodda li biha reġjuni periferali jew żvantaġġjati jistgħu jibqgħu kompetittivi. ‘L-isfida hija kif nagħmlu dil-kompetizzjoni trasparenti’, enfasizza Alfred Sant.
Dr Sant esprima r-riservi tiegħu meta astjena għar-riżoluzzjoni dwar l-‘Annual Tax Report’ fil-Parlament Ewropew. Huwa qal li f’suq wieħed, b’munita waħda, wieħed jistenna trattament ugwali fin-negozju, inkluż fit-tassazzjoni. Dan jiżgura kompetizzjoni taħt kundizzjonijiet ġusti u trasparenti. Dr Sant qal li l-kundizzjonijiet għal intrapriżi fiż-żona Ewro mhumiex jaħdmu l-istess għal kulħadd. Meta żona monetarja topera bħala sistema federali, jeżistu mekkaniżmi li jikkumpensaw għal żvantaġġi ta’ reġjuni partikolari. Dan isir awtomatikament, b’mezzi finanzjarji jew b’deċiżjonijiet politiċi. Xejn minn dan m’hu possibbli fiż-żona Ewro, enfasizza Dr Sant.
Ir-rapport għadda b’444 vot favur, 110 kontra u 41 astensjoni.

Facebook Comments

Post a comment