It-tliet ‘istituzzjonijiet’ (Il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali) li jirrappreżentaw il-kredituri li sellfu l-flus lil Ċipru ħarġu sodisfatti mill-missjoni ta’ moniteraġġ, imma saħqu dwar l-urġenza li tittieħed azzjoni fuq dak is-self li mhux qed irendi interessi fis-settur bankarju.

It-tliet istituzzjonijiet ikkummentaw dwar il-konklużjonijiet li ħarġu mill-missjoni ta’ monitoraġġ li saret fuq il-gżira Ċiprijotta u li dwarha hemm qbil fuq livell tekniku mal-awtoritajiet Ċiprijotti. Jekk tkun addottata mill-Grupp tal-Ewro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali f’Settembru/Ottubru, dan il-ftehim ikun ifisser it-tmiem uffiċċjali ta’ din il-missjoni ta’ moniteraġġ.

It-tliet ‘istituzzjonijiet’ qalu li r-riformi jeħtieġ isiru b’rata aktar mgħaġġla filwaqt li faħħru ir-riżultati pożittivi li nkisbu s’issa fosthom it-tnaqqis fir-rata tal-qgħad, il-ħidma biex is-settur bankarju jkun aktar stabbli, il-ħidma biex jintlaħqu l-għanijiet tal-baġit u l-implimentazzjoni tal-programm tar-riformi strutturali.

L-‘istituzzjonijiet’ widdbu lill-Gvern Ċiprijott biex iżomm il-finanzi pubbliċi f’livelli tajbin ħalli d-dejn pubbliku jiġi f’livell aċċettabbli. Qalu wkoll li n-nefqa pubblika għandha tkun diretta lejn attivitajiet li jippromwovu t-tkabbir. Il-Kummissjoni Ewropea bassret li d-dejn Ċiprijott se jibda nieżel fl-2015, minn 106% għal 98.8% tal-Prodott Gross Nazzjonali fl-2016. Ir-riformi strutturali, b’mod partikolari l-privatizzazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika huma importanti ħafna skont il-kredituri ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni qalet li hija mħassba dwar id-dewmien biex jinkiseb l-appoġġ politiku għall-proċess ta’ privatizzazzjoni.

Facebook Comments

Post a comment