Il-pajjiżi l-‘kbar’ tal-Unjoni Ewropea se jagħtu l-appoġġ militari biex tittieħed azzjoni kontra l-kuntrabandisti tal-bnedmin li qed jibagħtu l-immigranti bil-laneċ mill-Afrika lejn l-Ewropa. L-Ingilterra se tibgħat HMS Bulwark, 3 helikopters u żewġ vapuri oħra. Il-Ġermanja se tipprovdi frejgata u ‘supply ship’. Franza se tibgħat ajruplani ta’ sorveljanza u vapur ieħor. It-28 pajjiż taw il-mandat lil Federica Mogherini biex tiġi bi proposti għal operazzjoni ta’ qerda ta’ laneċ użati mill-kuntrabandisti tal-bnedmin. Din se tkun ‘operazzjoni ċivili u militari fl-isfond tal-ligi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem.’
Il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat ħabbar li fis-Sajf se jsir Summit f’Malta bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Afrika. F’Ġunju it-28 pajjiż tal-UE jerġgħu jiddiskutu l-immigrazzjoni fil-Kunsill Ewropew, ftit wara li f’nofs Mejju l-Kummissjoni Ewropea toħroġ bil-proposti tagħha dwar is-suġġett.
Jean Claude Juncker, President tal-KE qal li kien sodisfatt li żdied il-budget biex tiġi iffaċċjata l-kriżi, iżda wera d-dispjaċir tiegħu li l-istati membri tal-UE ma qablux dwar kwota ta’ refuġjati. ‘Il-pajjiżi tal-UE ma tawx attenzjoni biżżejjed biex ikun hemm mezzi legali għall-immigranti li jaqsmu lejn l-Ewropa.’ Qal Juncker.
Il-Kanċilliera Ġermaniża Merkel qalet li biex ikunu meqruda l-laneċ tal-kuntrabandisti jeħtieġ ‘mandat taħt il-liġi internazzjonali.’
Il-President Franċiż Hollande qal li se jieħu inizjattiva mal-Ingilterra mal-Kunsill tas-Sigurta` tal-Ġnus Magħquda. Qal li se jiddiskuti r-Riżoluzzjoni mal-President Russu fl-Armenja. ‘L-iskop mhux intervent, imma speċifikament dwar il-laneċ li jitilqu mill-kuntrabandisti.
Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi laqa’ l-intenzjoni li se jiġu megħjuna l-ewwel pajjiżi li qed jiffaċċjaw l-immigranti, ‘bil-possibilita` li l-immigranti jkunu rijallokati bejn l-istati membri tal-UE.’
Il-Prim Ministru Malti staqsa ‘Dan biżżejjed? Ovvja li le. Qatt ma jkun biżżejjed. Triton qatt mhi se tkun Mare Nostrum. L-importanti li bgħatna sinjal lill-kriminali : ir-regoli tal-logħba inbidlu.’

Facebook Comments

Post a comment