Fil-ġranet li ġejjin il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta proposti dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran lill-Parlament Ewropew. Il-proposti jinkludu żjieda fil-fondi li se jlaħħqu €120 miljun għal 2015. ‘Il-KE qed tittama li jiġi ppreżentat budget quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew sa nofs Mejju biex il-pjan jitħaddem fit-totalita` tiegħu’, qalet Natasha Bertaud, Kelliema tal-UE dwar l-immigrazzjoni.  Din id-dikjarazzjoni saret wara li l-Italja salvat 6,771 immigrant mill-għarqa. Il-pjanijiet għal aktar flus u dgħajjes biex tkun estiża l-missjoni ‘Triton’ fil-Mediterran għad iridu jiġu approvati, waqt li eluf ta’ immigranti qed ikomplu jipperikolaw ħajjithom u jaqsmu mill-Afrika lejn l-Ewropa.

Il-missjoni tal-UE hija teknikament limitata għal 30 mil nawtiku tul il-kosta Taljana, għalkemm għaddejjin diskussjonijiet biex jikber l-operat tal-missjoni mal-Frontex li tikkoordina l-missjonijiet mal-Italja, il-Greċja u Malta.

Fit-18 ta’ Mejju l-Ministri tal-Affarijiet Barranin se jiddiskutu proposti mħejjija mill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-UE. Il-pjan jinkludi proposti biex jinqerdu dgħajjes użati mit-traffikanti tal-bnedmin.  Il-Kunsill tal-Ewropa x-xahar li għadda ħabbar pjanijiet biex tissaħħaħ ‘Triton’ wara l-għarqa ta’ 1,700 immigrant fil-Mediterran. Il-proposta kienet tinkludi budget ta’ €9 miljun fix-xahar biex jiżdiedu l-vapuri ta’ salvataġġ. F’din il-laqgħa ma ġietx aċċettata proposta biex l-eluf ta’ immigranti li qed jaslu l-Italja jkunu rilokati fost il-pajjiżi tal-UE.

 

Facebook Comments

Post a comment