It-Tuneżija hija kontra operazzjonijiet militari fin-naħa t’isfel tal-Mediterran, speċjalment fil-Libja, maħsuba biex jitkissru d-dgħajjes użati mit-traffikanti tal-immigranti illegali. Il-Prim Ministru Tuneżin Habib Essid qal li t-Tuneżija hija kontra l-użu ta’ interventi militari biex tissolva din il-kwistjoni u saħaq li hemm soluzzjonijiet oħra. Il-kwistjoni trid tissolva ‘kemm qabel u anke wara li jitilqu l-immigranti.’ Essid qal dan lill-istazzjon tar-radju Belġjan RTBF.

Essid ma jemminx li l-kwistjoni se tissolva billi jitkissru d-dgħajjes mentri jemmen li għandhom jinqabdu t-traffikanti tan-nies. ‘Jeħtieġ kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji kollha. It-Tuneżija hija kontra l-idea li tista’ żżomm lil xi immigranti għaliex diġa` għandha l-problemi b’dawk l-immigranti li tħallew jidħlu f’pajjiżha fi żmien ir-rivoluzzjoni Libjana. ‘Għaliex għandna noħolqu ċentri ta’ akkoljenza f’Tunis? Għaliex ma noħolquhomx fl-Ewropa?’ Staqsa Essid. Hu stqarr li t-Tuneżija għandha d-dmir li tgħin lid-dgħajjes li jkunu f’diffikultà f’baħar qawwi u ddaħħalhom f’pajjiżha. It-Tuneżija qatt ma talbet l-għajnuna ta’ ħadd biex tinstab soluzzjoni ta’ x’għandu jiġri minnhom. Essid qal li s-Sirjani huma eċċezzjoni għax verament huma refuġjati politiċi. Is-sitwazzjoni politika tas-Sirja hija tali li ma jistgħux jgħixu fiha. Il-Komunita` internazzjonali għandha d-dmir li tgħinhom biex jiskapulaw mewt ċerta.

L-Unjoni Ewropea qed tipprova tikseb l-approvazzjoni tal-Ġnus Magħquda biex tkun tista’ twettaq azzjonijiet militari.

Facebook Comments

Post a comment