Mingħajr ftehim dwar it-tqassim tal-immigranti bejn l-istati membri tal-UE, il-futur taż-żona Xengen qed jitqies mhedded. Sa issa, mis-26 pajjiż fiż-żona Xengen, l-ebda stat ma qajjem l-idea li jerġa’ jkun hemm il-kontrolli fuq il-fruntieri. Imma hemm pożizzjonijiet differenti li jitfgħu dubju dwar it-tħaddim tar-regoli. Fil-kuntest tal-attakki terroristiċi fuq il-ferrovija Franċiża, qed tikber ix-xewqa li r-regoli tax-Xengen jirriflettu dan it-tip ta’ theddid.

Minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni li qed taffettwa l-Greċja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-pajjiżi tal-Balkani ġirien tagħhom, hemm it-tħassib dwar il-futur tax-Xengen minkejja li ma saret l-ebda talba biex ikun hemm riforma fix-Xengen. Dawn id-dubji tqajmu l-aktar għaliex xi pajjiżi, bħal Franza u l-Ġermanja, jemmnu li sħabhom l-oħra fil-UE mhux qed japplikaw ir-regoli tat-trattat ta’ Dublin sewwa, speċjalment biex jittieħdu l-‘fingerprints’ tal-immigranti. Din is-sitwazzjoni tfisser li l-immigranti jistgħu jitilqu lejn pajjiżi ewropej aktar faċilment, kif filfatt ġara fl-Ungerija fejn eluf ta’ immigranti qabdu l-ferroviji għall-Awstrija u l-Ġermanja.

Il-Kummissjoni Ewropea stqarret li biex ix-Xengen taħdem sew, iridu jkunu attwati r-regoli. Il-Kummissjoni fetħet 32 proċedura minħabba ksur tar-regoli f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni konxja li s-sistema mhux qed taħdem tajjeb u mistennija tibda konsultazzjoni fl-2016 fuq ir-regoli tat-trattat ta’ Dublin.

Rigward ir-regoli tax-Xengen, ir-riforma tal-2013 tħalli lill-istati membri jwettqu kontrolli fuq il-fruntieri għal perijodu limitat, (sa massimu ta’ 30 ġurnata). L-Awstrija kienet qed tagħmel użu minn din ir-regola u kienet qed tagħmel il-kontrolli fuq il-fruntiera tagħha mal-Ungerija. Il-Kummissjoni ma eskludietx li fil-futur ikun hemm aktar tibdiliet fir-regoli tax-Xengen imma qalet li l-prinċipju se jibqa’ l-istess.

Facebook Comments

Post a comment