Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li Iżrael u l-Palestinjani biss jistgħu jġibu l-paċi fil-lvant Nofsani u li l-Ewropej, l-Amerikani, ir-Russi u n-nies tal-jihad, ma jistgħux iġibu l-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina. Madankollu dak li qed jiġri f’dik iż-żona qed ikollu impatt qawwi fuq id-dinja u r-realtajiet tagħna. Dr Sant saħaq li min-naħa waħda nsibu disprament u rabja kbira; mill-oħra nsibu rieda biex jinżamm kontroll sħiħ fuq il-Palestina akkost ta’ kollox.

L-Ewroparlamentari Malti qal li jekk qatt se tinkiseb il-paċi, l-unika triq hi dik li biha n-naħa dominanti tagħmel konċessjonijiet dwar kwistjonijiet fundamentali. Waqt li tagħmel hekk, trid turi rieda tajba. Sant qal li dawk fostna li jħossuhom ħbieb kemm tal-Lhud u kemm tal-Palestinjani, illum jiħtiġilhom mill-ġdid jikkundannaw l-attakki riċenti fuq l-Iżraeliti li kienu qed jitolbu fis-sinagoga, u jibbilanċjaw dan billi jistqarru d-diżapprovazzjoni lejn il-politika Iżraelita mmirata għall-Palestinjani.
Il-kwistjoni bħal’issa hija dwar il-firxa sħiħa ta’ bini li l-Lhud qed jibnu bl-aġġoġġ kollu tal-gvern tagħhom. Sant kompla jistqarr li minn meta nqatel Yitzhak Rabin, gvern Iżraelit wara l-ieħor, la wera rieda politika u lanqas rieda tajba meta ġie biex jittratta kwistonijiet delikati li jwasslu biex is-sitwazzjoni titjieb jew tiħżien. Sant huwa tal-fehma li sakemm jinbidel dan l-aġir, iż-żewġ naħat se jibqgħu kkundannati li jgħixu l-epifanija tagħhom ta’ mibegħda u disprament.
Alfred Sant kien qed jikkummenta waqt diskussjoni dwar il-Lvant Nofsani fejn il-partiti politiċi qed jippruvaw jaqblu dwar il-mod kif se jirrikonoxxu l-Palestina bħala stat.

Facebook Comments

Post a comment