Din is-sena bil-baħar diġa` waslu 266, 524 immigrant fuq ix-xtut Ewropej. 3, 156 ma temmewx il-vjaġġ għax għerqu fl-ibħra tal-Mediterran jew fl-Eġew. L-akbar għadd ta’ immigranti ġejjin mis-Sirja u jammontaw għal 30%, 16% mill-Afghanistan, 10% mill-Iraq, 7% min-Niġerja u 5% mill-Eritrea. Persentaġġ żgħir jiġi wkoll minn pajjiżi bħal Pakistan, Kosta tal-Avorju, Gambia u Guinea. Bil-ftehim tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija dwar ir-rotta tal-Balkani, reġgħet ħadet rankatura kbira r-rotta tal-Mediterran bl-Italja d-destinazzjoni ewlenija.
Wara li l-Kanċilliera Angela Merkel is-sena l-oħra fetħet il-bibien beraħ għall-immigranti u stednithom jiġu pajjiżha, issa l-Ministru tal-Intern Svizzeru rrapporta li l-Ġermanja qed tgħasses sewwa l-fruntiera tagħha li tmiss mal-Isvizzera. Dan il-kontroll xejn m’hu qed jinżel tajjeb mal-Isvizzeri. Is-sena l-oħra aktar minn miljun persuna ħarbu l-faqar u l-gwerer mil-Lvant Nofsani u l-Afrika u waslu l-Ġermanja. Issa l-atitudni lejhom qed tiqras hekk kif tlieta mill-attakki li seħħew ix-xahar li għadda twettqu minn immigranti.
L-Isvizzera wkoll qed tissielet mal-problema tal-immigranti hekk kif ħafna immigranti Afrikani jaqsmu fit-territorju tagħha mill-Italja wara li jkunu qasmu l-Mediterran. L-Isvizzera tibgħat lura l-Italja mal-1,000 immigrant kuljum. Dawn jippruvaw jgħaddu minn fuq art Svizzera biex jaslu l-Ġermanja u pajjiżi oħra Nordiċi mingħajr dokumenti validi u mingħajr ma japplikaw għall-ażil fl-Isvizzera.
Il-pulizija Ġermaniża qalu li s’issa qabdu 3, 385 immigrant illegali li daħlu l-Ġermanja mill-Isvizzera, ċifra li hija 40% aktar mis-sena l-oħra. L-Awtoritajiet Ġermaniżi żiedu madwar 90 għassies tal-fruntieri u 40 membru tal-korp aktar apposta biex jibagħtu lura l-immigranti illegali lejn l-Isvizzera. Dan juri biċ-ċar li l-atitudni tal-Ġermanja lejn l-immigranti qed tinbidel.
Il-pajjiżi Ewropej jaraw kif jitfgħu l-immigranti f’riġlejn xulxin basta jeħilsu minnhom. Is-soluzzjoni reali hija l-għajnuna f’pajjiżhom stess u t-tama li jista’ jkollhom futur u ħajja diċenti f’pajjiżhom, mhux bir-rettorika li issa drajna nisimgħu.

FTIT SUSTANZA F’VENTOTENE
Read More

SE JIRRIFLETTU DWAR IL-FUTUR TAL-EWROPA
Read More

JEKK MHUX MILL-BIEB MIT-TIEQA
Read More

BIEX JAĊĊETTAW L-IMMIGRANTI JRIDU JIĦDULHOM 500,000 ROMA
Read More

L-IMPATT INIZJALI TAL-BREXIT
Read More

RAJOY JIPPROVA JGĦAQQAD GVERN FI SPANJA
Read More

TINSTAB SOLUZZJONI GĦALL-ORKESTRA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-UE
Read More

XARABANK BLA XUFIER
Read More
Post a comment