Fl-2010 kull ċittadin fl-Unjoni uża 198 basket tal-plastik. 90% minnhom kienu magħmula minn plastik irqiq li huwa maħsub li jniġġeż ħafna. Dan għaliex jitqatta’ malajr u jsir skart mill-ewwel. Huwa stmat li iktar minn 8 biljun basket tal-plastik jintrema fil-pajjiżi tal-Unjoni f’sena waħda biss.

94% tal-għasafar li jgħixu fil-Baħar Atlantiku instabilhom plastik ġo żaqqhom. Aktar minn 250 speċi ta’ annimali differenti huma magħrufa li jew belgħu jew tagħqdu fil-plastik. 100,000 fkieren tal-baħar imutu kull sena minħabba l-plastik.
Il-Kunsill u l-Parlament tal-Ewropa pproponew liġi rigward il-basktijiet tal-plastik. Kif jiġri dejjem, dak li jipproponu l-Parlamentari jmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni qablet li l-użu tal-basktijiet tal-plastik fil-pajjiżi membri għandu jonqos bil-kbir. Dan isir biex tkun protetta l-ħajja tal-ħlejjaq marittimi u biex jonqos it-tniġġiż. Il-Viċi-President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans ma tantx qabel ma’ din id-deċiżjoni u qal li taf iġġib problemi biex tkun implimentata. Timmermans qal li jekk jinħolqu l-problemi, l-istati membri jkunu ġabuhom fuqhom infushom.
Jekk ir-regoli jidħlu fis-seħħ, kull stat membru jkollu żewġ għażliet: jew jieħu miżuri biex jiżgura li kull ċittadin ma jużax aktar minn 90 basket tal-plastik sas-sena 2019, u ma jużax aktar minn 40 basket tal-plastik sas-sena 2025. Inkella stat membru jista’ jagħżel li sa l-2018 l-basktijiet tal-plastik ma jingħatawx aktar b’xejn lix-xerrejja.
Iċ-ċittadini ewropej b’mod ġenerali jaqblu li għandu jitnaqqas l-użu tal-basket tal-plastik.

Facebook Comments

Post a comment