It-trattat kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti mistenni jittardja aktar milli maħsub, minkejja l-ottimiżmu fiċ-ċrieki Ewropej li dan kien se jkun konkluż sa tmiem 2015. Fi tmiem il-laqgħa tal-Ministri tal-Kummerċ tal-UE, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Latvja, Edgar Rinkevic qal li, ‘ma nistgħux niċħdu li dal-proċess jista’ jieħu aktar minn tmiem din is-sena.’ Il-Latvja bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE kienu qed jittamaw li l-ftehim ta’ suq ħieles bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jintlaħaq sa tmiem 2015. Dawn qablu li jitkellmu aktar dwar il-benefiċċji tal-ftehim u li jikkonsultaw l-għaqdiet mhux governattivi f’pajjiżhom. Il-President tal-Kunsill tal-Ewropa Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker qed jippruvaw jiksbu l-approvazzjoni tal-mexxejja tal-KE għall-ftehim. Punt li tqajmet kontroversja dwaru huwa l-prospett ta’ xi tilwima fuq investiment Amerikan fl-Unjoni Ewropea. Fl-UE hemm min qed jibża’ li flok japplikaw il-liġijiet ewropej, ikun hemm xi forma ta’ tribunal speċjali ddominat minn interessi Amerikani.
In-negozjati bejn l-Istati Uniti u l-UE intensifikaw ruħhom wara li kienu waqfu minħabba l-bidla fil-KE u l-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew. F’April id-diskussjonijiet se jkomplu fl-Istati Uniti u f’Lulju jkomplu fi Brussell qabel il-vaganzi tas-Sajf.

Facebook Comments

Post a comment