Il-Kummissjoni Ewropea qalet li għall-perijodu 2015 – 2017 il-kwoti tat-tonn se jiżdiedu b’20% fis-sena. Dan ifisser 9372.92 tunnellata fl-2015 għall-pajjiżi kkonċernati – l-aktar Franza u Spanja imma anke Malta, Ċipru, il-Ġreċja, il-Kroazja, l-Italja u l-Portugall. Din hija l-ewwel sena li fiha żdiedu l-kwoti tat-tonn minn meta fl-2006 beda pjan li naqqas is-sajd ta’ din il-ħuta biex tiżdied il-kwantita` tagħha fil-baħar.

L-istaġun tat-tonn fetaħ fis-26 ta’ Mejju u mistenni li jibqa’ miftuħ fil-Mediterran u fl-Atlantiku sal-24 ta’ Ġunju. L-istaġun huwa miftuħ anke għas-sajd industrijali li jammonta għal 61% tal-kwota ewropea tal-qbid tat-tonn.

Sabiex il-qbid tat-tonn ikun sostenibbli, l-UE ikkommettiet ruħha li timplimenta kontrolli u spezzjonijiet stretti flimkien mal-Aġenzija Ewropea tal-Kontroll tas-Sajd u l-Istati Membri. Il-kontrolli jsiru permezz ta’ spetturi, fuq il-baħar u anke bl-ajru li jaħdmu tul is-sena kollha. Il-kontrolli jiżdiedu meta jkun miftuħ l-istaġun għas-sajd bis-‘seiners’ (dgħajjes tas-sajd bi xbieki partikolari) u anke fil-perijodu fejn il-ħut jinqabad fil-gaġeġ ħaj għall-fishfarms. Hemm proċeduri stretti li jivverifikaw il-kwantitajiet ta’ tonn maqbuda. Il-Kummissjoni Ewropea timmoniterja l-qbid tal-ħut kontinwament anki permezz tas-satelliti biex tiżgura li l-bastimenti tas-sajd iżommu mal-kwoti tagħhom.

It-tonn qed jerġa jieħu l-ħajja. Għall-ewwel darba f’għaxar snin is-sajjieda qed igawdu minn żjieda fil-kwota. Tmexxija tajba u sostenibbilita` huwa fl-interess ta’ kulħadd. Irridu nkomplu f’din it-triq’, qal Karmenu Vella, Kummissarju għas-Sajd.

Facebook Comments

Post a comment