Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim biex l-Unjoni jkollha sistema li permezz tagħha żżomm rendikont tat-tniġġiż tal-vapuri. Dan sar biex jitnaqqas it-tniġġiż tal-vapuri li fil-preżent qed jipproduċi 4% tal-gassijiet li jagħmlu l-ħsara lid-dinja.

Jekk dan il-ftehim jibqa’ kif inhu u jsir liġi, is-sidien ta’ vapuri li jiżnu iktar minn 5,000 tunnellata, mis-sena 2018 iridu jirrappurtaw l-ammont ta’ gass ħażin li qed jitfa’ l-vapur tagħhom. Is-sidien jeħtiġilhom jibdew jagħtu dan it-tagħrif mis-sena 2018 ġaladarba l-vapur tagħhom ikun irreġistrat f’port fl-Unjoni Ewropea.
Ir-regoli l-ġodda ma jgħoddux għall-vapuri tas-sajd, għall-vapuri tal-gwerra, u għall-opri tal-baħar oħra li jkunu magħmula mill-injam. Ir-regoli ma jgħoddux ukoll għal bastimenti tal-gvernijiet li ma jkunux kummerċjali.
Is-sidien tal-vapuri se jkollhom jirrappurtaw kemm hu effiċenti l-vapur tagħhom billi jaraw kemm qed iġorr piż u kemm qed jaħli fuel. Biex ma jkunx hemm ħafna xogħol ta’ karti, kull kategorija se jkollha r-regoli tagħha.
Ir-rapporti li se jkollhom jagħmlu s-sidien iridu jkunu verifikati minn persuna indipendenti li min-naħa tagħha toħroġ ċertifikat ta’ compliance. Kull stat membru se jkun jista’ jispezzjona d-dokument u jagħti l-penali meta jkun hemm ksur tar-regolamenti.
Darbtejn fis-sena l-Kummissjoni se tara l-impatt li qed joħloq is-settur marittimu fuq l-ambjent u l-klima minħabba l-gassijiet li jagħmlu l-ħsara.

Facebook Comments

Post a comment