Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ħut (ICCAT) qablet fuq pjan ta’ 15-il sena biex tipproteġi l-pixxispad. Il-Kummissjoni Ewropea qablet ukoll ma’ dan il-pjan li se jnaqqas il-qbid tal-pixxispad fil-Mediterran b’madwar 25%. Id-diskussjonijiet se jissoktaw fil-bidu tal-2017 dwar il-qsim tat-tnaqqis bejn l-istati membri.

L-Italja hija l-aktar stat membru li jistad għal din il-ħuta (qbid ta’ 45%), warajh il-Marokk (14%), Spanja (13%), Greċja (10%) u Tuneżija (7%). Fost oħrajn il-Pjan jeżiġi li l-pixxispad ma jistax ikun iżgħar minn ċertu daqs biex il-ħuta tingħata ċ-ċans li tirriproduċi. Se jsiru wkoll spezzjonijiet fuq is-sajd rikreattiv u sportiv biex jinżamm ċertu kontroll.

L-NGO Oceana qalet li l-istokks tal-pixxispad naqsu b’70% fi 30 sena. Qalet ukoll li bil-pjan l-istokks ta’ din il-ħuta xorta se jibqgħu f’riskju ta’ estinzjoni. Oceana u l-UE talbu formalment lill-Marokk biex inaqqas il-qbid tal-pixxispad fil-Mediterran b’25%. Il-Marokk qal li jirrispetta s-sistema tal-kwoti fl-ibħra tiegħu tal-Atlantiku imma mhux jaqbel li jimplimenta kwoti fl-ibħra tiegħu tal-Mediterran.

Facebook Comments

Post a comment