Mistennija tkun kumplikata l-implimentazzjoni tal-missjoni navali tal-Unjoni Ewropea biex tkisser is-sistema li ħolqu t-traffikanti tan-nies fil-Mediterran. Id-diskussjonijiet mal-Ġnus Magħquda huma wieqfa u l-gvern ta’ Tubruk huwa xettiku. Ir-rappreżentanta tal-Affarijiet Barranin Federica Mogherini qalet li tixtieq li d-deċiżjoni tittieħed fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fit-22 ta’ Ġunju.

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurta` tal-Ġnus Magħquda jaf ma tilħaqx tkun adottata. Mingħajr din ir-riżoluzzjoni, mhux il-fażijiet kollha ta’ din il-missjoni jistgħu jkunu implimentati. Id-diskussjonijiet waqfu sakemm l-istati membri jiddeċiedu kif se jimplimentaw il-missjoni u n-negozjati mal-Libjani jitjiebu.

In-negozjati mal-Libjani jistgħu jieħdu ż-żmien. Wara diskussjonijiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Mohammet al-Dairi, Mogherini qalet li d-diskussjonijiet kienu kostruttivi. L-Ambaxxatur Libjan għall-Ġnus Magħquda deher ċert: ‘Il-pożizzjoni tal-Libja hija ċara. Sakemm l-UE u ċertu pajjiżi oħra ma jiddiljawx biss mal-gvern leġittimu Libjan bħala rappreżentant tal-poplu Libjan, mhux se jiksbu l-kunsens tagħna. Ma naħsibx li r-riżoluzzjoni se tidħol fis-seħħ.’ qal Ibrahim Dabbashi.

Mogherini qalet li tixtieq ‘sħubija mal-awtoritajiet Libjani kkonċernati kollha.’ Meta staqsewha hemmx il-possibilita` li jkun hemm djalogu biss mal-gvern ta’ Tobruk, kelliem għal Mogherini rrepeta li l-UE qed tinkoraġġixxi formazzjoni ta’ gvern nazzjonali magħqud.

Il-ministru tal-Affarijiet Barranin Alġerin Ramtane Lamamra qal li jaqbel mal-ideat tal-UE dwar il-Libja. Dan affermatu wkoll Mogherini. Lamamra saħaq li ‘s-soluzzjoni trid tkun Libjana’ u ma għandhiex tiġi minn barra’ u qal li l-partijiet Libjani kkonċernati se jiltaqgħu fl-Alġerija għad-diskussjonijiet. ‘Li nfallu mhix għażla.’ Qal Lamamra.

Facebook Comments

Post a comment