Il-Kummissjoni Ewropea rrappurtat li kwart biss tal-intrapriżi żgħar u medji fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea esportaw lejn is-swieq ewropej f’dawn l-aħħar snin, għalkemm 13% minnhom esportaw fi swieq barra l-Unjoni. Din is-sitwazzjoni hija r-riżultat ta’ diffikultajiet amministrattivi li bejn 70-90% tal-intraprendituri jilmentaw dwarhom.

Il-Kummissjoni Ewropea tat tagħrif lill-Kumitat tal-Industrija dwar il-passi li qed tieħu fuq livell Ewropew biex is-sitwazzjoni tinbidel. Dan it-tibdil huwa ppjanat li jseħħ permezz tal-COSME (Programm tal-UE magħmul apposta biex jgħin lil Intrapriżi żgħar u medji – SMEs). Waħda mill-konklużjonijiet li waslet għaliha l-KE hija li l-intrapriżi żgħar u medji ma humiex internazzjonali biżżejjed.
Waħda mill-għanijiet tal-COSME hija li ttejjeb l-aċċess ta’ dawn il-kumpaniji fis-swieq Ewropej u swieq oħra lil hinn mill-Ewropa. COSME għandu baġit globali ta’ €2.3 biljun li se jintefqu bejn is-sena 2014 u 2020. €246 miljun diġa` kienu maħsuba għal din is-sena. Għan ieħor tal-COSME huwa li jħajjar aktar nies isiru imprendituri. Filfatt fergħa tal-COSME inħolqot għal dan il-għan u ġġib l-isem ta’ ‘ERASMUS for Young Enrepreneurs’. Dawn l-inizjattivi qed isiru minkejja li fl-2012 kienu biss 37% l-Ewropej li qalu li jitħajru jiftħu n-negozju tagħhom, mentri 51% tal-Amerikani u 56% taċ-Ċiniżi urew din il-ħajra.

Facebook Comments

Post a comment