Mill-4 ta’ Novembru il-Bank Ċentrali Ewropew beda jsegwi l-Banek il-kbar ta’ madwar l-Ewropa, sewwa sew 120 bank. Il-banek l-oħra se jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-entitajiet nazzjonali tagħhom. Il-kontrolli li bdew isiru lil banek ewropej qed isiru biex il-banek madwar l-ewropa jimxu ma’ regoli bankarji stabbiliti mill-UE, regoli li jkunu l-istess għal kulħadd. Permezz tagħhom, il-problemi li jista’ jkollu bank jinqabdu minn kmieni u ma jitħallewx jikbru. Il-mekkaniżmu ta’ kontroll se jżomm għajnejh fuq kif il-banek isellfu, jissellfu u jinvestu l-flus.

Huwa maħsub li ż-żona ewro kienet affettwata ħafna f’dawn l-aħħar snin minħabba l-fatt li pajjiżi differenti jużaw standards differenti biex jassessjaw il-banek tagħhom. Biex l-UE tiżgura li l-banek kollha jimxu fuq l-istess regoli u biex ikun hemm sistema ta’ moniteraġġ, ħolqot sistema ta’ kontroll li hu l-istess għal kulħadd. Dan l-Unjoni Ewropea qed issejjaħlu ‘Mekkaniżmu Superviżorju Uniku’. Din hija sistema ta’ moniteraġġ li ssir minn Frankfurt, fil-Ġermanja u hija mmexxija mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Huwa maħsub li l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku huwa ċ-ċavetta li se jagħmel iż-żona ewro finanzjarjament aktar stabbli u jgħin biex tibda tirpilja l-ekonomija.
Il-Bank Ċentrali Ewropew se jaħdem viċin l-entitatjiet nazzjonali ta’ superviżjoni monetarja fil-pajjiżi ewropej kollha. Dawk il-pajjiżi li huma membri tal-UE u ma jużawx l-ewro, jistgħu jipparteċipaw f’dan il-mekkaniżmu fuq bażi volontarja.
Il-Bank Ċentrali Ewropew u s-sistema tal-ewro jgħinu biex iżommu l-prezzijiet fiż-żona ewro stabbli. Il-kriżi finanzjarja urietna li jekk ifaqqsu problemi bankarji f’reġjun ewropew, dawn il-problemi jistgħu jinħassu u jinxterdu f’reġjuni oħra madwar l-Ewropa.
S’issa għadhom kif intemmu dawk li jissejħu ‘stress tests’ lil tliet banek li jinsabu f’pajjiżna. Il-Banek li sarilhom dan it-test kienu l-HSBC, il-BOV, u d-Deutsche Bank (Malta) Ltd. Dawn it-tlieta għaddew minn dan it-test skont il-kriterji li ġew assessjati bihom.

Facebook Comments

Post a comment