Fl-2013, l-Ewropej aktar xtraw u rikbu r-roti milli xtraw u rikbu l-karozzi. Fir-Renju Unit biss hemm 3.6 miljun persuna li tuża r-rota. Dan in-numru huwa d-doppju tan-numru tan-nies li jużaw il-karozza f’dan il-pajjiż. Fil-Greċja hemm madwar 5 darbiet aktar nies li jużaw ir-rota milli hemm sewwieqa ta’ karozzi.
Bħalissa fiż-żona ewro saret popolari ħafna l-e-bike jew electronic bicycle. L-e-bike qed tingħoġob għax tgħin lis-sewwieq jibqa’ għaddej bl-istess veloċita` il-ħin kollu. Tgħin ukoll lis-sewwieq jegħreq anqas, fattur importanti għal dawk li jmorru bir-rota għax-xogħol. Ħadd ma jħobb jibda l-ġurnata bir-riħa ta’ għaraq.
Għalkemm l-e-bikes ilhom magħna mhux ħażin, saru popolari fl-aħħar sentejn u fl-Ewropa se jkomplu jżidu fil-popolarita`. Skont l-Assoċjazzjoni taċ-ċiklisti Ewropej, fit-toroq Żvizzeri hemm 250,000 e-bike. Fil-Ġermanja il-bejgħ tar-roti niżel b’5.5% fl-2014 filwaqt li l-bejgħ tal-e-bikes tela’ bi 8%. Fl-Olanda, l-iktar pajjiż Ewropew li juża r-roti, il-bejgħ tal-e-bikes tela’ b’aktar minn 9%. Fil-pajjiżi Skandinavi kollha hemm it-tradizzjoni li tintuża r-rota, u issa anki l-e-bike.

Tgħid bl-e-bike il-Maltin se jitħajru jħallu l-karozza d-dar u jittantaw jużaw ir-rota?

Facebook Comments

Post a comment