Franza ħabbret li matul 2014 id-defiċit tagħha niżel għal 4% meta mqabbel ma’ 4.3% fl-2013. Dan huwa aħjar mill-previżjonijiet ta’ 4.4% tal-Gvern Franċiż, iżda aktar minn 3% kif mitlub mill-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Franċiż tal-Finanzi Michel Sapin qal li qed jistenna li fl-2015 id-defiċit jinżel għal 3.8%. Fi Franza hemm sinjali ta’ tkabbir fl-ekonomija u jekk ikompli dan ir-ritmu id-defiċit jinżel għal 3% fl-2017. Franza għandha t-tieni l-akbar ekonomija fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u hija parzjalment responsabbli għan-nuqqas ta’ tkabbir fiż-żona Ewro. L-infiq pubbliku niżel u n-nuqqas ta’ dħul tas-sena l-oħra ma kienx ħażin daqs kemm maħsub. Il-KE tat lil Franza sentejn oħra biex tniżżel id-defiċit tagħha taħt il-limitu ta’ 3%. Kienet it-tielet darba li l-KE għamlet din il-konċessjoni lil Franza mill-2009. Statistiċi ekonomiċi riċenti juru li minkejja li l-qgħad qed jiżdied, il-kunfidenza fin-negozju qed tiżdied ukoll. Margaritis Schinas, kelliema għall-Kummissjoni Ewropea qalet li jekk il-figuri jkunu kkonfermati f’April mill-Eurostat, din tkun ‘aħbar tajba għal Franza u għaż-żona Ewro’.

Facebook Comments

Post a comment