Fil-ġimgħat li ġejjin, il-valur tal-munita ewro mistennija tkun indaqs mad-dollaru Amerikan. Minn Jannar ’l hawn il-munita tilfet 10% tal-valur tagħha meta mqabbla mal-isterlina u mad-dollaru. Ħafna minn dan l-isvalutar huwa attribwit għall-problemi fil-Greċja u għall-programm ta’ ‘quantitative easing’ tal-Bank Ċentrali Ewropew li se jippompja €60 biljun ewro kull xahar sa Settembru tal-2016 fiż-żona ewro.
Din il-ġimgħa l-ewro kien jiswa $1.07 u £0.71. Il-valur tiegħu ilu ma jkun daqshekk baxx mad-dollaru sa minn Settembru 2003 u ilu ma jkun daqshekk baxx mal-isterlina sa mill-2007.
Analisti qed ibassru li l-ewro se jkompli nieżel meta kkomparat mad-dollaru. Dan ma tantx idoqq għall-Amerikani għax se jaffettwa s-swieq tagħhom ukoll. L-iżvalutar tal-Ewro aktarx se jġiegħel ukoll lid-Danimarka tagħmel kif għamlet l-Iżvizzera ftit tal-ġimgħat ilu u tiżganċa l-munita tagħha minn mal-ewro.
Xi jfisser dan kollu għal pajjiżi fiż-żona ewro? Ifisser li l-esportazzjoni ’l barra miż-żona ewro se tkun aktar attraenti. Fil-każ ta’ Malta l-fabbriki li jesportaw lejn pajjiżi bid-dollaru Amerikan bħal ST Electronics se jmorru tajjeb. Ifisser ukoll li turisti Ingliżi jkunu aktar imħajrin iżuru pajjiżi fiż-żona ewro, inkluż Malta. Ifisser ukoll li l-importazzjoni ta’ prodotti bid-dollaru Amerikan, inkluż iż-żejt, se tiswa aktar.

Facebook Comments

Post a comment