Il-Gvern Ingliż jixtieq jikkonvinċi lill-gvernijiet l-oħra membri tal-UE biex jiġu emendati t-trattati Ewropej li jgħidu li l-ewro hija l-munita unika tal-Unjoni. Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron ġie kkwotat mill-ġurnal The Times ta’ Londra li l-Gvern Ingliż jixtieq li l-Unjoni Ewropea tagħraf li fi ħdan l-Unjoni Ewropea jkun hemm aktar minn munita waħda. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li għad trid tirċievi t-talbiet tar-Renju Unit. Il-Gvern Ingliż minnufih beda jaħdem biex jirrinegozja s-sħubija ta’ pajjiżu fl-UE. Wara l-elezzjoni l-UE qed tieħu b’aktar serjeta` t-talbiet tal-Ingilterra.

Il-ġurnal Ingliż qal li r-Renju Unit jixtieq jiżgura li jkun hemm miżuri ta’ protezzjoni għad-disa’ pajjiżi li għadhom mhux membri taż-żona ewro. Dan għaliex hemm it-tħassib li l-miżuri li qed jagħmel il-Bank Ċentrali Ewropew biex iħares l-Ewro jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-Isterlina. Peress li Cameron għandu ftit ħin biex jikseb ċertu bidliet qabel ma jagħmel ir-referendum, il-partit tiegħu qed ifittex toroq oħra legali biex ikunu emendati t-trattati. Il-ministru tal-Affarijiet Barranin Philip Hammond tkellem dwar stqarrija tal-Istati Membri li se jkollha saħħa legali iżda li tkun tista’ tħalli l-bidliet fit-trattati għaż-żmien ta’ wara.

Id-disa’pajjiżi tal-UE li għadhom ma addottawx l-Ewro huma l-Bulgarija, Kroazja, Repubblika Ċeka, Danimarka, Ungerija, Polonja, Rumanija u r-Renju Unit. Ir-Renju Unit u d-Danimarka mhumiex marbuta legalment li jadottaw l-Ewro, minkejja li huma pajjiżi tal-UE.

Facebook Comments

Post a comment