Il-protesti vjolenti fil-kapitali Griega ta’ dawn il-ġranet kienu l-ewwel sinjali ta’ rabja fit-toroq ta’ Ateni wara r-rebħa elettorali tal-partit tax-xellug estrem, Syriza fil-Greċja. Ma kinux aktar minn 450 ruħ li niżlu jipprotestaw fit-toroq, fl-istess waqt li l-Gvern Grieg ingħata estensjoni ta’ erba’ xhur miż-żona ewro għall-bailout, li kellha tispiċċa fit-28 ta’ Frar. Ma kinux xeni vjolenti daqs il-protesti tal-aħħar snin kontra l-awsterita`, imma d-dimostranti tefgħu ġebel u bombi tal-petrol lill-pulizija waqt li ħarqu karozzi wara l-protesta. Din kienet manifestazzjoni ta’ rabja kontra l-Gvern ta’ Alexis Tsipras, li tela’ fil-gvern bil-wegħda li jneħħi l-awsterita` u jikkanċella d-dejn li hija mgħobbija bih il-Greċja.
Wara tliet ġimgħat ta’ negozjati mal-pajjiżi taż-żona Ewro, Tsipras kellu jinsa ħafna mill-wegħdi elettorali tiegħu u jaċċetta l-estensjoni ta’ erba’ xhur flimkien ma’ pjan ta’ riformi ibsin fl-ekonomija Griega. Il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż Wolfgang Schaeuble, minkejja li kien favur il-ftehim ta’ estensjoni mal-Greċja, xorta esprima d-dubji tiegħu dwar humiex verament se jitwettqu r-riformi imwegħda mill-Greċja. Il-Ministru tal-Finanzi Olandiż Jeroen Dijsselbloem, li mexxa l-laqgħat tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona Ewro, qal li l-Griegi kienu qed jilagħbu l-poker fin-negozjati. ‘Jew il-Ministru tal-Finanzi Grieg Yanis Varoufakis kien qed jibblaffja jew mhux jifhem eżatt kemm hi ħażina s-sitwazzjoni finanzjarja fil-Greċja. M’għandhomx flus u għandhom bżonn l-għajnuna. Ma jridux aktar self għax ġa mgħobbijin bid-dejn. Naħseb li l-Gvern Grieg ma kienx konxju tal-gravita` finanzjarja u kemm huwa tqil il-piż tad-dejn li għandu l-pajjiż.’ qal Dijsselbloem.
Il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin se jkunu determinanti għall-Prim Ministru Grieg Tsipras f’din l-ewwel fażi tat-tmexxija tiegħu.

Facebook Comments

Post a comment