L-ibħra ewropej mhux qed jintużaw b’mod sostenibbli. L-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent qalet li dan huwa ta’ theddida kemm għas-saħħa tal-bniedem u kif ukoll għall-produttivita` tal-ibħra nfushom.

Il-bniedem u t-tibdil fil-klima huma l-aktar affarijiet li qed iħallu impatt negattiv. L-effett tagħhom huwa kumulattiv, dejjem jiżdied u għalhekk joħolqu theddida għas-saħħa tal-ekosistemi tal-baħar. L-UE qed tittama li se tutilizza l-potenzjal ekonomiku ta’ dan is-settur li jipprovdi 6.1 miljun impjieg u jħalli valur ekonomiku ta’ €467 biljun. 66% tal-abitati marini, u 27% ta’ speċi marini kienu analizzati bejn 2007 u l-2012. Instab li dawn kienu f’ambjenti mhux favorevoli għall-konservazzjoni tagħhom. Dan minħabba l-preżenza ta’ sustanzi dannużi li kienu komuni u li jistgħu jakkumulaw fil-katina tal-ikel u joħolqu theddida għas-saħħa tal-bniedem. L-iskart, l-aktar il-plastik, qed jinġabar fl-ibħra u jista’ jikkontamina l-ikel. L-istorbju ta’ taħt l-ilma qed jiżdied (minħabba l-vapuri u t-tlugħ taż-żejt u l-gass).

Skont ir-rapport kien hemm ftit affarijiet li tjiebu fosthom it-tnaqqis fil-qbid tal-ħut fl-ibħra kollha tal-ewropa f’dawn l-aħħar 10 snin. Madanakollu aktar minn nofs l-ispeċi ta’ ħut differenti li nsibu fis-suq qed juru li mhumiex jgħixu f’ambjenti favorevoli.

Facebook Comments

Post a comment