Din is-sena qed niċċelebraw is-sittin anniversarju tal-Eurovision Song Contest – festival li jgħaqqad l-Ewropej permezz tal-mużika. Għal din l-okkażjoni l-EBU (European Broadcasting Union) se xxandar dokumentarju bl-isem ta’ ‘L-istorja sigrieta tal-Eurovision’.
Dan id-dokumentarju jiżvela kif il-Eurovision ma kienx sempliċiment festival tal-kant. Matul l-ewwel snin tiegħu, fis-snin ħamsin, kien mezz biex in-nazzjonijiet Ewropej jersqu qrib xulxin wara l-firda tal-gwerra u ż-żmien tal-kriżi. Il-festival ta lok biex ikunu eżibiti l-avvanzi teknoloġiċi li f’dawk iż-żminijiet kienu qed jiżviluppaw. Matul il-gwerra bierda, il-pajjiżi Ewropej ta’ wara l-Purtiera tal-Ħadid ma kinux jitħallew jieħdu sehem fil-festival. L-għan kien li l-festival jissimbolizza l-liberta` kulturali ta-Ewropa tal-Punent u r-ripressjoni tal-Ewropa tal-Lvant.
Mal-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, bdew jifjorixxu nazzjonijiet ewropej ġodda li biex jistabilixxu l-identita` tagħhom fil-kuntest ta’ Ewropa magħquda, kienu ħerqana biex jieħdu sehem fil-Eurovision. B’hekk il-Eurovision sar dak li hu llum – avveniment televiżiv kbir.

Facebook Comments

Post a comment