Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-S&D fil-Parlament Ewropew qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tinjora ċ-ċirkostanzi partikolari tal-biedja f’Malta u f’Għawdex minħabba ċ-ċokon tal-gżejjer Maltin. Alfred Sant irreaġixxa għad-dikjarazzjoni tal-KE li ma kienx hemm bżonn ta’ proposti ġodda għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-biedja Maltija. ‘Jekk il-KE mhix interessata li tippromwovi proġetti agrikoli ġodda f’Malta, għandna nagħmluh aħna bħala pajjiż biex niżguraw li l-bdiewa u r-raħħala ma jinqerdux minn fostna. Hi ħaġa ċara li minn Brussell, il-Kummissjoni Ewropea mhix tapprezza l-problemi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin. L-istatistika stess tagħha turi li l-agrikoltura Maltija marret lura fl-aħħar għaxar snin’ irrimarka Alfred Sant. Ir-Rapport Annwali tal-Agrikoltura tal-KE jgħid li, għajr għal ftit eċċezzjonijiet, Malta kellha eżitu negattiv kostanti f’dan is-settur.

Facebook Comments

Post a comment