L-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) tirrappreżenta pass ewlieni fl-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-UE. Tinvolvi l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali, politika monetarja komuni, u munita komuni, l-ewro. Filwaqt li t-28 Stat Membru tal-UE lkoll jieħdu sehem fl-unjoni ekonomika, uħud mill-pajjiżi mxew pass ulterjuri fl-integrazzjoni u adottaw l-ewro. Flimkien, dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona tal-ewro.

Id-deċiżjoni li tkun iffurmata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja ttieħdet mill-Kunsill Ewropew fil-belt Olandiża ta’ Maastrich, f’Diċembru 1991, u aktar tard kienet inkluża fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht). L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tieħu lill-UE pass ulterjuri fil-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika tagħha, li beda fl-1957 meta twaqqfet. L-integrazzjoni ekonomika saret bil-ħsieb li ġġib il-benefiċċji ta’ daqs akbar, aktar effiċjenza interna u solidità lill-ekonomija tal-UE kollha u lill-ekonomiji tal-Istati Membri individwali. Dan kellu jwassal għall-opportunitajiet ta’ stabbiltà ekonomika, aktar tkabbir u aktar impjiegi – li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-UE. F’termini prattiċi, l-EMU tfisser:

  • Il-koordinazzjoni tat-tfassil tal-politiki ekonomiċi bejn l-Istati Membri
  • Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, prinċipalment permezz tal-limiti fuq id-dejn u d-defiċit governattivi
  • Politika monetarja indipendenti ġestita mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB)
  • Il-munita unika u ż-żona tal-ewro

Facebook Comments

Post a comment