Malta mhux se tkun waħda minn dawk il-pajjiżi li f’Marzu jridu jerġgħu jmorru quddiem il-KE biex jippreżentaw l-emendi fil-baġits tagħhom. Il-Gvern Malti qal li l-Kummissjoni ma talbet ebda tibdil fid-dokument tal-Baġit ta’ Malta. Dan għaliex Malta osservat ir-rakkomandazzjonijiet fiskali mitluba mill-KE. Il-Gvern Malti qal li l-Kummissjoni baqgħet taħdem fuq ċifri li kienu ngħatawlha qabel il-baġit, meta ma setgħux jiġu żvelati lilha u lil ħadd ċerti miżuri dwar tassazzjoni li kienu għadhom iridu jitħabbru.

Il-Gvern Malti qal li l-Kummissjoni kkonfermat ir-rata ta’ żbilanċ ta’ 2.7% għall-2014 jiġifieri d-defiċit huwa konformi mar-regolamenti tal-UE. Rigward l-enfasi tal-KE dwar riformi fil-pensjonijiet, evażjoni tat-taxxa u s-sistema tas-saħħa, il-Gvern qed jagħmel progress f’dawn l-oqsma kollha. Huwa mistenni li se jkun ippreżentat rapport fuq il-pensjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Kummissjoni Ewropea għamlet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha biex Malta tkun konformi mal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbilita`. Dan minkejja li t-tbassir ekonomiku ta’ Malta huwa bil-ferm aktar pożittiv minn ta’ pajjiżi bħal Franza, l-Italja u l-Belġju. Malta, bħala membru taż-żona ewro, trid tosserva r-regolamenti biex l-iżbilanċ ikun taħt it-3% u d-dejn nazzjonali taħt is-60% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż. Il-KE kienet irrakkommandat lil Malta biex dan isir sal-2014.
Il-baġits tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kienu kkaratterizzati minn kontroversja minħabba li l-iżbilanċi u d-djun ta’ ċertu pajjiżi kienu bil-ferm akbar minn dak stipulat fir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Franza, l-Italja u l-Belġju, ingħataw aktar żmien biex jemendaw il-baġits tagħhom u jippreżentaw dawn l-emendi f’Marzu illi ġej.
Il-KE qed tbassar li d-dejn ta’ Malta għall-2015 se jkun ftit ogħla minn dak li jgħidu r-regolamenti Ewropej. Għalhekk il-Kummissjoni stiednet lil Gvern Malti jieħu l-passi meħtieġa.
Il-KE qed issostni wkoll li Malta għandha ttejjeb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-kura tas-Saħħa, iddaħħal aktar miżuri biex tirriforma l-Pensjonijiet u tiżgura tnaqqis fl-evażjoni tat-taxxa.

Facebook Comments

Post a comment