Il-Kummissjoni Ewropea qalet li fil-preżent f’Malta u fil-Polonja m’hemmx aktar sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv u rrakkommandat lill-Kunsill biex tagħlaq il-proċeduri li kienu għaddejjin kontra ż-żewġ pajjiżi. Malta naqqset id-defiċit għal 2.1% tal-GDP fl-2014 u mistennija li tibqa’ taħt it-3% għas-sena finanzjarja 2015-2016. Malta kellha wkoll proċeduri kontra d-dejn eċċessiv, imma skont il-kummissjoni, fl-2014 is-sitwazzjoni ġiet sodisfaċenti. Il-Polonja wkoll kellha riżultati tajbin u d-defiċit għal din is-sena mistenni li jkun 2.7% tal-GDP.

Il-KE mistennija tiftaħ proċeduri kontra l-Finlandja li għandha defiċit ta’ aktar minn 3% tal-GDP. Il-Kummissjoni tieħu madwar ġimagħtejn biex tiddeċiedi dwar din is-sitwazzjoni u se tagħti ċans lill-gvern isib saqajh minħabba li għadu frisk qabel jibdew id-diskussjonijiet ma’ Helsinki.

Ir-Renju Unit ma rnexxilux iwettaq miżuri konkreti u jeħtieġ li jibqa’ għaddej bil-proċeduri għal sentejn oħra jew sakemm id-defiċit tar-Renju Unit jerġa’ jkun taħt kontroll. Id-defiċit tal-pajjiż is-sena l-oħra kien ta’ 5.2%. Pierre Moscovici qal li r-Renju Unit se jingħatawlu sentejn oħra biex jirregola d-defiċit u mhux se jingħatawlu sanzjonijiet. Dan għaliex ‘l-impatt tal-programm jinbidel skont l-istat membru hux fiż-żona ewro jew le’ qal Moscovici li rrimarka li l-ekonomija Ingliża sejra tajjeb.

Id-deċiżjoni dwar jinfetħux proċeduri għal Franza se tingħata fl-10 ta’ Ġunju.

L-Italja rnexxielha tiżgiċċa mill-proċeduri imma l-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis qal li huwa importanti li l-Italja timplimenta riformi intensivi, l-aktar fil-qasam tas-settur pubbliku, is-settur tax-xogħol u l-qasam tat-tassazzjoni.

Il-Bulgarija, il-Kroazja, Franza, l-Italja u l-Portugall għandhom żbilanċi eċċessivi u ġew imħajra biex jagħmlu l-miżuri meħtieġa. Il-bilanċ tal-Ġermanja għadu favorevoli ħafna u allura qed tiġi mħajra biex tinvesti fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u fir-riċerka.

Kull stat membru tal-UE jrid jevita li jkollu defiċit eċċessiv fil-baġit nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni tevalwa s-sitwazzjoni u l-Kunsill jiddeċiedi hemmx sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv għal kull pajjiż membru individwali, u jekk hemm, jinbdew il-proċeduri.

Facebook Comments

Post a comment