L-Għaqda tal-Kooperattivi u tal-Biedja Ewropea qed titlob aktar għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea għas-settur tal-majjali li ntlaqat ħafna minħabba l-embargo Russu. Minkejja li l-Kummissjoni pprovat tgħin lis-settur billi pprovdiet skema għall-ħażna tal-laħam li ma jinbiegħx, il-prezz tal-majjal niżel ħafna. Il-President tal-Għaqda Copa (l-Għaqda Agrarja Ewropea), Albert Jan Maat qal li s-sitwazzjoni qed tisforza lil xi wħud biex jagħlqu n-negozji tagħhom. Jan Maat qal li dan huwa inkwetanti għax id-domanda għall-majjal se tikber fil-futur. Maat saħaq li jekk is-sitwazzjoni mhux se titjieb, l-istati membri għandhom jitħallew jinnegozjaw mal-awtoritajiet Russi biex jerġgħu jistabilixxu l-kummerċ tal-majjal mar-Russja malajr kemm jista’ jkun.

L-Unjoni Ewropea qed tkun imħeġġa tintensifika n-negozjati mar-Russja biex jieqfu ċertu restrizzjonijiet li imponiet ir-Russja fuq l-esportazzjoni tal-majjal. B’hekk prodotti bħall-‘bacon’ ewropew jerġa’ jidħol fis-suq Russu. Huwa importanti li jinstabu swieq ta’ esportazzjoni oħra billi titneħħa l-burokrazija kummerċjali ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE bħal Ġapan, Belarus u Russja, kif ukoll ma’ pajjiżi li l-UE għandha ftehim kummerċjali bħall-Korea t’Isfel, Peru` u Kolombja. Importanti li jittieħdu miżuri indirizzati apposta lejn dawk ir-reġjuni Ewropej li l-aktar li ntlaqtu minn dawn is-sanzjonijiet Russi.

Il-Kummissjoni qalet li s-settur tal-majjali jrid isib bilanċ ġdid. Il-Kummissarju għall-Biedja Phil Hogan qal li l-problemi attwali iktar huma marbutin mat-tkabbir tal-produzzjoni (+5% fl-ewwel kwart tas-sena 2015 u żieda ta’ 2.6% stmata għas-sena kollha) milli għan-nuqqas ta’ aċċess għas-suq Russu. L-Awstrija, il-Belġju u l-Polonja, bl-appoġġ tal-Ungerija u Franza, qalu li għandhom jiżdiedu n-negozjati mar-Russja biex jibdew ikunu esportati prodotti mill-majjal li ma jidħlux taħt l-embargo bħal ma huma l-organi tal-majjal li jittieklu u x-xaħam tal-majjal.

Facebook Comments

Post a comment