Ftehim dwar il-kriżi fl-Ukraina jintlaħaq biss jekk ikun hemm pjan fit-tul imsejjes fuq il-liġijiet internazzjonali u bi ftehim li jirrispetta l-aspirazzjonijiet tal-partijiet kollha kkonċernati, speċjalment dawk tal-komunitajiet Ukreni tal-Lvant u tal-Punent. Dan għandu jseħħ fid-dawl tar-realtajiet storiċi u interdipendenzi kontemporanji li jiddefinixxu l-ispazju ewropew. Alfred Sant qal dan waqt li l-Parlament Ewropew iddiskuta r-rapport ‘L-Istat tar-Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja’.

ll-kwistjoni tal-Ukraina qed twassal għal konfrontazzjoni bejn l-UE bis-‘soft power’ tagħha u bejn ir-Russja permezz tal-preżenza militari. Huwa l-poplu Ukren li l-aktar li bata b’din il-kriżi. Ma nistax inkun fiduċjuż fuq il-kriżi tal-Ukraina jekk nisma’ biss il-verżjoni ta’ naħa waħda jew tan-naħa l-oħra biss. Lanqas ma jista’ jkolli fiduċja fuq il-proposti li qed isiru dwar l-organizzazzjoni tal-ispazju ewropew tal-futur.

Hemm żewġ fatturi li wasslu għas-sitwazzjoni tal-lum: In-nuqqas ta’ fiduċja bejn iż-żewġ partijiet u l-fatt li l-logħba ta’ poter bejniethom twalet b’mod li intilef kull kontroll. Il-partijiet kollha involuti mhumiex jaġixxu b’mod ġenwin. Dan wassal biex l-Ukraina, diġa` miżgħuda b’għira kumplessa bejn komunitajiet li ġġebbdet fit-tul wisq, issa hija imkissra bi gwerra ċivili.’ Qal Dr. Sant.

Facebook Comments

Post a comment