Rapport ippubblikat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jgħid li fl-2013 f’pajjiżi Ewropej instabu mikrobi ġodda. L-informazzjoni li ppubblika ċ-ċentru hija ta’ tħassib għal ħafna xjentisti. Ir-rapport jiżvela li fl-2013 kien hemm mikrobi li saru reżistenti għall-ċertu antibijotiku li ssoltu jintuża meta l-ebda antibijotiku ieħor ma jaħdem.

Dawn il-mikrobi diġa` jinsabu f’xi wħud mill-pajjiżi ewropej. Il-Kummissarju tas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Ikel Vytenis Andriukaitis qal li din hija sitwazzjoni allarmanti. Hu wiegħed li se jagħti ħafna importanza lil dan is-suġġett fis-snin li ġejjin. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, l-antibijotiċi li jaħdmu qed jonqsu. ‘B’din ir-rata se nispiċċaw bħal ma konna fl-antik meta ma konniex għadna skoprejna l-antibijotiċi u l-pazjenti kienu jmutu mill-infezzjonijiet li jkollhom għax ma kienx hemm trattamenti.’ Qal Dr Marc Sprenger, Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
F’Novembru ġiet imfakkra l-ġurnata Ewropea għall-antibijotiċi. L-Unjoni Ewropea għandha ċentru li jaħdem għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard. Dan iċ-ċentru joħroġ l-informazzjoni dwar mikrobi reżistenti għall-antibijotiċi. Iċ-ċentru jiġbor din l-informazzjoni minn kull pajjiż ewropew. Dan għaliex kull pajjiż fl-Unjoni huwa mitlub li ta’ kull sena jagħti l-istatistika tiegħu dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi lil dan iċ-ċentru. Kull pajjiż huwa mitlub ukoll jagħti l-istatistika tiegħu dwar il-konsum tal-antibijotiċi f’pajjiżu.

Facebook Comments

Post a comment