L-OLAF, l-uffiċċju li jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni li tista’ ssir għad-dannu tal-UE, twaqqaf fl-1 ta’ Ġunju 1999 fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Dan l-uffiċċju jinvestiga l-immaniġjar u l-iffinanzjar tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE b’mod indipendenti. Din l-awtonomija hija garantita:

Mid-direttur stess tal-OLAF li hu appuntat bi qbil mal-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill. Id-direttur jista’ jappella quddiem il-qorti tal-ġustizzja tal-UE biex jipproteġi l-awtonomija tiegħu. Jista’ wkoll jagħmel investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess u mhux bilfors meta jgħidulu l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Mill-Kumitat tal-OLAF li jara li l-funzjoni investigattiva tal-OLAF qed taħdem sew. Dan il-kumitat huwa magħmul minn 5 persuni indipendenti, ġejjin minn barra l-uffiċċju, u appuntati bi qbil mal-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill.

L-investigazzjonijiet interni li jsiru mill-OLAF kontra l-frodi u l-korruzzjoni u kontra dak kollu li jaħdem kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Dawn jimxu skont ftehim li sar f’Mejju 1999 bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-OLAF għandu qafas fuqhiex jaħdem. Għandu s-saħħa li jieħu passi f’każijiet serji ta’ mġiba ħażina mill-uffiċċjali tal-UE, liema passi jista’ jkollhom konsegwenzi dixxipplinari; għandu s-setgħa li jidħol fl-irregolaritajiet u jirkupra l-flejjes li ma kellhomx jitħallsu; għandu regoli dwar il-proċeduri tal-investigazzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post.

Facebook Comments

Post a comment