Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew staqsa wasalx iż-żmien li l-Kummissjoni Ewropea tippermetti li stati żgħar u fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea jitħallew jagħtu għajnuniet speċjali lil kumpaniji ta’ pajjiżhom ħalli b’risq l-investiment li jsir, jibdew jingħelbu d-differenzi bejn l-ekonomiji Ewropej sinjuri u l-ekonomiji Ewropej l-oħra li mhumiex ilaħħqu magħhom. Dr. Sant qal li l-għajnuna tal-istat, jekk applikata l-istess għal kullħadd, ma tippermettix riżultat ugwali u li jirnexxi f’pajjiżi periferjali żgħar tal-Unjoni Ewropea. Waqt diskussjoni mal-Kummissarju tal-Kompetizzjoni Margrethe Verstager, Dr Sant qal li l-Kummissjoni għandha tanalizza l-effetti reali li qed iħallu r-regoli attwali tal-għajnuna tal-istat. Dan għandu jinkludi l-għajnuna tal-istat lil-linji tal-ajru li ħadu l-għajnuna u li qegħdin fil-pajjiżi tal-periferija tal-Unjoni Ewropea.

Dr Sant staqsa hux possibbli li jsir awditjar dwar ir-regoli tal-għajnuna tal-istat f’dawn iż-żoni tal-periferija biex titjieb il-konverġenza ekonomika bejn ir-reġjuni Ewropej, u l-bżonn li nagħmlu tajjeb għall-iżvantaġġi u spejjeż żejda li għandhom ekonomiji żgħar oħra f’reġjuni fejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali baqa’ lura.

Dr Sant qal li f’ħafna każijiet, l-intervent tal-istat jew ma jħallix effett jew ikollu impatt żgħir fuq is-suq komuni Ewropew. Kif uriet il-kriżi tal-Greċja, l-iżbilanċi li jinħolqu bejn l-imsieħba tal-UE li għandhom ekonomiji differenti, jistgħu joħolqu ħafna nkwiet. L-għajnuna tal-istat, kif applikata l-istess f’kull pajjiż u bl-istess regoli tista’ tikkontribwixxi għal aktar differenzi fl-ekonomiji. Li hu tajjeb għal kumpaniji kbar, jista’ ma jagħmilx sens jew iħalli effett negattiv f’reġjuni periferjali li huma magħquda bl-istess munita ma’ ċentri metropolitani ’l bogħod.

Dr Sant qal li d-diverġenzi ekonomiċi bejn l-imsieħba Ewropej kibret tant li saret problema kruċjali fl-Ewropa. Dawk l-inħawi tal-Ewropa li qed jaqgħu lura, ma għandhomx biżżejjed strumenti li jgħinuhom jistimulaw attivita` ġdida fit-territorji tagħhom. Ma jirnexxilhomx jattiraw investiment ġdid lejhom. U ma jistgħux jgħinu direttament, bl-għajnuna tal-istat, l-imprendituri lokali, kif inhuma, bi sforz biex jinħolqu l-proġetti u l-impjiegi.

B’reazzjoni għall-intervent ta’ Dr Sant, il-Kummissarju Vestager qalet li waħda mill-kwistjonijiet l-aktar importanti hija meta stat membru jista’ jagħmel ħafna aktar waħdu, fi ħdan l-istess regoli. ‘Dan jista’ jsir fuq żewġ kondizzjonijiet: waħda minnhom hija t-trasparenza. Iridu jgħidu liċ-ċittadini tagħhom x’qed jagħmlu, kif qed jonfqu l-flus miġbura mit-taxxi. It-tieni, il-gvernijiet iridu jevalwaw l-iskemi li jistgħu jaħdmu u li jwettqu l-istess riżultat. U billi jagħmlu dan, kulħadd ikollu aktar ċans li jirnexxi.’ Qalet il-Kummissarju Vestager.

Segwi l-intervent ta’ Dr Sant tal-Kummissarju Vestager fuq din il-ħolqa

https://www.youtube.com/watch?v=YydpGd9xNBo

Facebook Comments

Post a comment