Franza u l-Ġermanja jridu aktar azzjoni dwar il-kutrabandu tal-immigranti minn ċrieki kriminali. Iż-żewġ pajjiżi jridu aktar kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurta` Marittima biex tiżdied l-għassa mill-ajru, fuq il-baħar u qrib il-kosta Ċiprijotta u dik Torka. Dawn iridu aktar sorveljanza mill-Unjoni Ewropea bis-satelliti u apparat sofistikat biex tinġabar u titqassam informazzjoni lill-Istati Membri dwar opri tal-baħar kbar li jkunu suspettużi. Ftit ġranet wara t-talba ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi seħħet traġedja oħra meta 300 immigrant li telqu mil-Libja fuq erba’ dinghies, għerqu f’kundizzjonijiet mill-agħar. L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) qalet li dawn l-imwiet setgħu ġew evitati kieku l-Unjoni Ewropea ma naqqsitx l-isforzi għas-salvataġġ tal-immigranti.
Frontex tgħid li qed tagħmel dak kollu li tista’ biex issalva l-immigranti imma l-baġit tagħha huwa limitat. Pajjiżi bħal Ingilterra xtaqu li jieqfu l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ għax hi tal-fehma li bihom aktar nies jitħajru jaqsmu l-Mediterran.
Federica Mogherini, L-Uffiċċjal Għoli tal-Affarijiet Barranin tal-UE qalet li se tlaqqa’ l-grupp tal-Kummissarji u se tiddiskuti t-traffikar tan-nies u l-protezzjoni tal-immigranti. Fl-2014 madwar 3,500 immigrant mietu fil-Mediterran.

Facebook Comments

Post a comment