Pajjiżi tal-Lvant li qed jaspiraw li jsiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea se jkollhom jistennew ftit ieħor għaliex l-UE ma għandha l-ebda ħsieb li għalissa ddaħħal stati membri ġodda. L-UE xorta qed tagħti attenzjoni partikolari lil sitt pajjiżi tal-ex Unjoni Sovjetika u anke tagħtihom għajnuna finanzjarja. Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina se jibbenefikaw minn fondi li jammontaw għal €200 miljun ewro fuq perijodu ta’ għaxar snin, fondi maħsuba biex jistimolaw l-intrapriżi żgħar u medji tal-pajjiżi li għandhom ftehim ta’ suq ħieles mal-UE.

Magħhom l-Unjoni Ewropea tixtieq li jkollha rabtiet aktar sodi imma fl-istess waqt għad ma hemmx ħjiel ta’ tkabbir biex dawn il-pajjiżi flimkien mal-Azerbaijan, Armenia u Belarus jsiru stati membri. Ir-relazzjoni ta’ dawn is-sitt pajjiżi mal-Unjoni hija magħrufa bħala Eastern Partnership u ‘…mhix għodda tal-Unjoni li se twassal għal tkabbir imma hija għodda li tqarribna aktar lejn xulxin.’ Hekk qalet il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel waqt summit li seħħ f’Riga bejn il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Lvant u l-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-UE.

Merkel qalet li l-Ukraina, il-Georgia u l-Moldova jeħtieġu jirrispondu b’mod aktar ambizzjuż għall-aspirazzjonijiet ewropej tagħhom. Dan qalitu minkejja li 95 membru parlamentari ewropew saħqu mal-mexxejja ewropej biex jagħtu sinjali pożittivi dwar is-sħubija ta’ dawn il-pajjiżi mal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir tal-Unjoni Johannes Hahn qal li ‘dan huwa proċess. Hemm stennija imma wkoll affarijiet li għad iridu jsiru.’

Facebook Comments

Post a comment