Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu poter politiku sostanzjali, anki jekk jibqa’ fil-limiti ta’ diskors teknokratiku. Dan il-poter jeċċedi l-mandat mogħti lilu mit-trattati eżistenti, li se jkompli jinfirex b’riżultat tar-responsabbiltajiet mgħoddija lill-Bank taħt il-provedimenti tal-unjoni bankarja.
Dwar dan tkellem Alfred Sant fil-Parlament Ewropew: ‘Jien wieħed minn dawk li jaqblu mad-deċiżjonijiet tal-aħħar snin. Fl-istess ħin, il-mexxejja tal-Bank mhux qed jaffaċċjaw xi poter ieħor li jista’ jibbilanċja lil tagħhom, bħal fil-każ tad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan fis-sistema monetarja tad-dollaru. Il-kwistjoni mhijiex dwar il-kwalità tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Bank Ċentrali Ewropew. Hi dwar jekk ħallejniex jidħol vojt ta’ poter fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-ewro; jekk dal-vojt hux qed jimtela mill-Bank Ċentrali Ewropew; jekk din hijiex idea tajba; u jekk għandniex infittxu li nibbilanċjaw aħjar il-poter politiku li kiseb il-Bank Ċentrali Ewropew, u dan fl-interess ta’ kontabilità demokratika.’qal Sant.
Alfred Sant qal li taħt Mario Draghi u taħt il-predeċessur tiegħu, il-Bank ħa deċiżjonijiet li pprovdew tmexxija lis-sistema tal-ewro. Uħud kienu u għadhom kontroversjali. Imma kellhom jittieħdu. Sant qal li wiċċ imb’wiċċ mal-fatti, hu diffiċli li ma tikkonkludix li l-Bank Ċentrali Ewropew qed isir l-aktar istituzzjoni ta’ suċċess fis-sistema tal-ewro.

Facebook Comments

Post a comment