Il-Kunsill tal-Ewropa huma l-mexxejja tal-pajjiżi tat-28 membru li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-President tal-Kunsill tal-Ewropa u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kunsill jistabbilixxi x’inhuma l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u x’se tkun id-direzzjoni politika tagħha. Fih jitfasslu l-prijoritajiet, u fil-laqgħat il-membri jikkonkludu liema huma s-suġġetti li fuqhom għandha tittieħed azzjoni.
Id-deċiżjonijiet fil-kunsill jittieħdu sempliċiment bi qbil. Pero` f’każijiet speċifiċi jeħtieġ li jkun hemm vot unanimu jew maġġoranza kwalifikata fejn ikun meħtieġ vot ta’ tlieta minn kull ħames ċittadini tal-pajjizi tal-UE. Meta jittieħed vot, il-President tal-Kunsill u l-President tal-Kummissjoni ma jivvotawx.
Il-Mexxejja jiltaqgħu mill-inqas darbtejn kull sitt xhur. Il-laqgħat huma msejħa ‘EU summits’ u jsiru fi Brussell.
Il-Kunsill tal-Ewropa twaqqaf fl-1974 biex fih jiltaqgħu l-mexxejja tal-pajjiżi b’mod informali. Malajr sar il-post li fih ikunu stabbiliti l-miri tal-Unjoni Ewropea. Fl-2009 il-Kunsill sar wieħed mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE.
Il-President attwali tal-Kunsill tal-Ewropa huwa Donald Tusk. It-terminu tiegħu jiskadi f’Mejju tal-2017.

Facebook Comments

Post a comment