Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li s-sena d-dieħla l-Ewroparlamentari Laburisti se jibqgħu jħarsu l-interessi ta’ Malta u Għawdex. Is-sena l-ġdida se tkun waħda ta’ sfida, iżda Dr Sant qal li jinsab fiduċjuż li din tista’ u se tkun waħda ta’ suċċess għalina lkoll.  Dr Sant, f’messaġġ għas-sena 2017 mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu, saħaq li l-Ewroparlamentari Laburisti se jibqgħu jsegwu l-ġrajjiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-ħajja tagħna f’Malta u f’Għawdex.

“Fiż-żmien li ġej, kif għamilna sa issa, aħna d-deputati Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew se nibqgħu impenjati biex insegwu l-iżviluppi Ewropej kollha li jinqalgħu u li jistgħu jkollhom impatt fuq pajjiżna. Id-deputati Laburisti Ewropej jinsabu lesti biex kull fejn jistgħu jkunu ta’ appoġġ fl-isforzi li jkunu għaddejja, dan l-appoġġ nagħtuh. Se nagħmlu ħilitna biex nassiguraw li f’kull każ, l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin jiġu mħarsa. L-isfidi u l-problemi quddiem l-Ewropa huma kbar u diffiċli. Biss ħadd ma għandu jaqta’ qalbu li ma jistgħux jingħelbu.”

Dr Sant qal li f’Malta, l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali matul l-aħħar sena kienu tajbin, anzi kienu tajbin ħafna.

“Għandna nkunu sodisfatti tassew b’dan, aktar u aktar għax jidher li l-prospetti għas-sena l-ġdida wkoll huma tajbin. B’xorti ħażina, mhux l-istess jista’ jintqal għall-Ewropa. Matul dis-sena, baqgħu jiżdiedu l-inċertezzi… ejja ma nsejħulhomx kriżijiet. Kellna l-inċertezzi dwar l-ekonomija, l-immigrazzjoni,it-terroriżmu, dwar x’se jiġri bil-ħruġ tar-Renju Unit  mill-Unjoni Ewropea, ir-relazzjonijiet mar-Russja u issa anke dwar ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti. Dan kollu jista’ jidher imbiegħed mill-ħajja li ngħixu aħna. Imma dan għandu jinteressana u mill-qrib. Bħala membru tal-Unjoni Ewropea, Malta bilfors tkun affettwata sew minnhom.

Għall-ewwel sitt xhur tas-sena l-ġdida, Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’idejha u allura se ssib ruħha fil-qalba taċ-ċirkostanzi li se jkunu qed jiżviluppaw. Matul is-snin li għaddew, il-gvern Malti għamel tħejjijiet kbar u tajba biex ikun jista’ jaqdi b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-Presidenza. Ninsab konvint li fuq hekk, kif jixraqlu, il-gvern Malti se joħroġ bl-unuri.

Nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom, lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, Sena Ġdida mimlija riżq u hena.”

Tista’ ssegwi l-intervent ta’ Dr Sant fuq din il-link:

https://www.youtube.com/watch?v=Xsv1iAOU6EI

 

Facebook Comments

Post a comment