Lukanda lussuża fil-Ġermanja installat swiċċ fil-kmamar kollha tagħha li joqtol is-sinjali tal-Wi-Fi. B’hekk il-klijenti tal-lukanda jkollhom mod sempliċi kif jinqatgħu kompletament mill-internet sakemm idumu fil-lukanda. Dawn l-iswiċis għamlithom Villa Stephanie, spa resort Ġermaniża fil-lokalita` ta’ Baden-Baden. Meta l-iswiċċ tal-fidda jingħafas, tkun attivata grid tar-ramm li tibblokka sinjali tal-wireless. Il-lukanda installat ukoll ‘coating’ speċjali mal-ħitan tal-kmamar tagħha u ssostni li jimblokka 96% mis-sinjali tal-Wi-Fi tal-kmamar l-oħra.

Frank Marrenbach, is-sid ta’ Villa Stephanie qal li mhux ħaġa sabiħa li wieħed il-ħin kollu joqgħod jara x’messaġġi daħlulu. Hu qal li madwar nofs il-klijenti tal-lukanda jagħfsu dan l-iswiċċ f’xi ħin jew ieħor matul il-btala tagħhom. Marrenbach jemmen li dan l-iswiċċ se jsir aktar komuni fiż-żmien li ġej, għax in-nies aktar se jfittxu s-serħan tal-moħħ u l-kwiet f’dinja li hi dejjem aktar diġitali.

Facebook Comments

Post a comment