Fi Brussell il-mexxejja tal-UE evitaw konfront mal-Prim Ministru l-ġdid Grieg Tsipras. Merkel iddeskriviet bħala ‘kordjali’ il-laqgħa tagħha ma’ Tsipras li fl-imgħoddi ddeskriviha bħala l-arkitett tal-politika ta’ awsterita` imposta fuq il-Greċja. L-UE għaddiet il-ballun lill-Ministri tal-Finanzi biex ikomplu jiddiskutu l-proposti Griegi fil-jiem li ġejjin. Ir-rebħa ta’ Syriza fil-Greċja mhux biss ġabet bidla fil-Greċja, imma qed tħalli l-effetti tagħha fuq il-bqija tal-Ewropa. Bħal fil-Greċja, fi Spanja il-partit tax-xellug estrem Podemos jista’ jkun fil-gvern dalwaqt. Fl-aħħar snin l-Ewropa kienet maħkuma mill-kriżi finanzjarja. Il-preżenza tal-partiti tal-lemin estrem kibret, b’riżultat ċar li l-politika ta’ awsterita` falliet. Il-Greċja għadha fi kriżi. Wieħed minn kull tlieta jgħix fil-faqar. Kien hemm tnaqqis ta’ 40% fis-servizzi tas-saħħa. Ir-rata tas-suwiċidji telgħet għal 60%. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ tela’ għal 55%. Il-politika ta’ awsterita` wasslet biex 23 miljun fl-UE huma bla xogħol, il-qgħad fost iż-żgħażagħ tela’ għal 23% u 125 miljun huma fir-riskju tal-faqar. Fl-istess waqt hemm kriżi fid-demokrazija, anqas nies huma interessati joħorġu jivvutaw u aktar nies qed jitbegħdu mill-partiti politiċi. Ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni qed jiżdiedu fl-Ewropa. Jeħtieġ Ewropa soċjali li turi solidarjeta`, rispett lejn id-diversita` tan-nies u aktar investiment fin-nies. Ix-xellug fl-Ewropa jeħtieġ jippolitiċizza lin-nies u jagħtihom tama ġdida.

Facebook Comments

Post a comment